Dikjarazzjoni tal-Missjoni,
Funzjonijiet u Struttura
Il-missjoni tad-Dipartiment
għall-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) hija dik li jipproteġi
l-interessi tal-ħaddiema li għandhom kuntratti ta' impieg filwaqt li, fi spirtu
ta’ sħubija soċjali, attivament jippromwovi relazzjoni b'saħħitha u
jikkontribwixxi lejn relazzjonijiet industrijali stabbli. Dan il-mandat jintlaħaq permezz tal-infurzar
tal-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (EIRA), li kien approvat
mill-Parlament f'Diċembru tal-2002 u jistabbilixxi l-qafas għall-adozzjoni
tal-Acquis dwar ix-Xogħol tal-UE. Dan
l-Att jistabbilixxi wkoll ir-responsabbiltajiet tad-Direttur Ġenerali
fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dan l-Att u l-leġiżlazzjoni
sussidjarja tiegħu. Id-Direttur Ġenerali
għalhekk għandu responsabbiltà kumplessiva għall-funzjonijiet imwettqa
mid-Dipartiment, li huma deskritti kif ġej:
• Provvista ta' mekkaniżmu
effettiv għall-istabbiliment ta' kundizzjonijiet tal-impieg standard,
f'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, u promulgazzjoni eventwali tagħhom bħala
strumenti legali;
• Provvista tal-monitoraġġ
neċessarju u l-infurzar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol kif stabbiliti bil-liġi;
• Regolamentazzjoni tal-kuntratti
tal-impjieg b'mod ekwu sabiex ikun żgurat li d-drittijiet u l-obbligi ta' kull
parti fil-kuntratt jiġu osservati;
• Protezzjoni tal-ħaddiema li
r-relazzjoni tal-impjieg tagħhom ġiet terminata mill-prinċipal;
• L-eliminazzjoni ta’ prattiċi
diskriminatorji;
• Provvista ta' servizzi ta'
appoġġ għat-Tribunal Industrijali, għall-Bord tal-Amminitrazzjoni tal-Fond ta'
Garanzija, għall-Bord dwar ir-Relazzjonijiet dwar l-Impiegi;
• Provvista ta' medjazzjoni
effettiva u konċiljazzjoni sabiex jitnaqqsu l-azzjonijiet industrijali u
t-tilwim industrijali;
• Promozzjoni ta' relazzjoni
tajba bejn il-prinċipali u r-rappreżentanti tal-ħaddiema.
L-istruttura tad-Dipartiment huwa magħmul mill-Uffiċċju tad-Direttur
Ġenerali u erba’ fergħat li huma: Support Services Unit/ Taqsima ta’
Servizzi t’ Appoġġ, Taqsima Investigattiva, Taqsima Legiżlattiva,
tal-Affarijiet Internazzjonali u
tar-riċerka, u it-Taqsima tal-Customer Support/ Taqsima t’appoġġ
lill-klijent.
Id-Direttur Ġenerali għall-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali li hija
ukoll il-Kap tad-Dipartiment hija għalhekk responsabbli għall-istrateġija
ġenerali tal-operazzjonijiet u l-funzjonijiet kollha tad-Dipartiment. Hija
mgħejjuna minn żewġ Assistenti Diretturi li huma responsabbli għal kull waħda
mill-erba’ fergħat li jiffurmaw id-DIER.
L-Uffiċċju tad-Direttur Ġenerali huwa wkoll responsabbli
għar-reġistrazzjoni tat- Trejd Unjins; assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem,
provvista ta' mekkaniżmi għall-ftehim volontarju ta' tilwim industrijali skont
it-termini tal-Att u l-promozzjoni għat-tali ftehim u preparazzjoni ta’ abbozzi
tal-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi.
Taqsima Investigattiva
Din it-taqsima hija responsabbli mill-moniteraġġ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tiproċessa
l-ilmenti tal-ħaddiema li għadhom fl-impjieg. Dan jinvolvi programm kontinwu
ta’ spezzjonijiet li jkunu mmirati lejn
setturi partikolari jew jinvestigaw ilmenti speċifiċi. Din it-taqsima tinvolvi
investigazzjonijiet ta’ lmenti ta’ impjegati li l-impjieg tagħhom ġie
tterminat, kemm jekk min-naħa tagħhom u kemm jekk min-naħa tal-imgħallem u hija
responsabbli ukoll li tirreferi l-każijiet quddiem il-Qrati Legali.
Customer Support Unit / Taqsima t’appoġġ
lill-klijent
Din it-taqsima tipprovdi servizzi ta’ customer care lill-impjegati/imgħallma
li għandhom mistoqsijiet u ilmenti rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dawn
il-mistoqsijiet u l-ilmenti jistgħu jiġu milqugħa direttament mill-persuna
kkonċernata billi jiġu personalment id-Dipartiment, permezz ta’ korrispondenza,
email jew anke b’mod anonimu.
Taqsima Leġislattiva, tal-Affarijiet
Internazzjonali u ta’ Riċerka
Din it-taqsima żżomm kuntatti fuq livelli tekniċi ma’ gvernijiet u korpi
internazzjonali oħra inkluż l-U.E, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol u l-Organizzazzjoni Dinjija tax- Xogħol. Hija
tikkoordina mill-qrib ma’ assoċjazzjonijiet lokali u organizzazzjonijiet li
għandhom rwol li jipproteġu l-interessi tal-partijiet involuti f’kuntratt
tal-impjieg. Din it-taqsima hija responsabbli ukoll għal riċerka dwar l-impjiegi,
libreriji u arkivji u reġistrazzjoni tal-aġenziji tax-xogħol.
Support Services Unit/ Taqsima ta’ Servizzi t’
Appoġġ
Din it-taqsima tipprovdi servizzi ta’ appoġġ amministrattiv lid-Dipartiment
kollu inkluż l-amministrazzjoni tal-budget tad-Dipartiment, id-dħul u l-infiq,
il-ħruġ u l-aġġustament tas-salarji u ħlasijiet ta’ onorarja għal membri
tal-Bordijiet, l-amministrazzjoni tal-PMPs, progressions, allowances,
l-inventarju dipartimentali, stores eċċ.
Permezz tal-Green Leader tagħha, din is-Sezzjoni tissorvelja wkoll
il-qasam ambjentali fi ħdan id-DIER.
Inkarigi oħra li jiġu esegwiti minn din is-Sezzjoni jinkludu
l-implimentazzjoni tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni u s-saħħa u
s-sigurtà fuq livell dipartimentali. Dan id-Dipartiment joffri ukoll servizzi
t’appoġġ lit-Tribunal Industrijali.
Implimentazzjoni
tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
L-uffiċċji amministrattivi
tad-DIER jinstabu f’Nru. 121, Triq Melita, Valletta. Kull applikazzjoni jew ilment relatati
mal-Libertà tal-Informazzjoni għandha jiġu mgħoddija bl-idejn f'dan l-indirizz
fl-uffiċċji tas-Sinjura Diane Vella-Muscat, Freedom of Information Officer
(FOIO) u tas-Sur Anthony Azzopardi, Alternate FOIO. Is-Sigħat tax-xogħol huma dawk tipiċi ta'
kull dipartiment tal-gvern, jiġifieri bejn 07.00hrs u 16.00hrs għall-perjodu
mill-1 ta' Ottubru sal-15 ta’ Ġunju u bejn 07.00hrs u 13.00hrs għall-perjodu
tas-sajf bejn is-16 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru. It-talbiet tal-FOI jistgħu
jintbagħtu billi tibgħat e-mail lil: [email protected], permezz tal-portal
FOI: www.foi.gov.mt billi tidħol
bl-e-ID, jew permezz tal-formola online.
Jekk l-applikant/a
għall-informazzjoni ma' jkunx/tkunx sodisfatt/a bit-tweġiba mogħtija
mid-Dipartiment, hu/hi jista’/tista'
jibgħat/tibgħat ilment skont il-Proċedura tal-Ilmenti Interni
tad-Dipartiment. Dan japplika jekk
id-Dipartiment jonqos milli jissodisfa d-dati tal-iskadenzi jew li jibgħat
in-notifiki relevanti. Għaldaqstant
jista' jitressaq ilment bl-email lil: [email protected], permezz tal-portal FOI:
www.foi.gov.mt billi tidħol bl-eID, jew permezz tal-formola online. L-Uffiċjal
tal-FOI eventwalment jinforma/tinforma lil dak li qed jilmenta/tilmenta dwar
l-eżitu tal-ilment tiegħu/tagħha, filwaqt li jinformah dwar il-possibbiltà li
jippreżenta appell mal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data
(KIPD) skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, Kap. 496.
Kategoriji ta' dokumenti miżmuma mid-DIER
Uffiċċju tad-direttur Ġenerali
Dokumentazzjoni dwar il-formulazzjoni tal-Policies Nazzjonali, Policies
Interni, Tilwim Industrijali u Reġistrazzjoni ta' Trade Unions u
Assoċjazzjonijiet tal- Prinċipali.
Taqsima Investigattiva
Dokumentazzjoni dwar mistoqsijiet u investigazzjonijiet tat-taqsimiet
tal-Ispettorat u taqsimiet tat-Terminazzjoni, Prinċipali li sariltihom
spezzjoni u dawk taħt investigazzjoni, Permessi tad -Direttur,
Approvazzjonijiet u Awtorizzazzjonijiet (Awtorizzazzjoni fir-rigward ta’ Multi
[Artikolu 19 tal-EIRA], Permessi għall-Impjieg ta’ Minuri [AL 440 tal-2003],
Approvazzjonijiet għall- kundizzjonijiet temporanji ta’ impjieg inqas
favorevoli [Artikolu 42 tal-EIRA]), Notifiki lid-Direttur (Stazzjonar ta'
Ħaddiema, Sensji Kollettivi eċċ), Verifikazzjoni ta’ sħubija ta’ trejd unjins.
Customer Support Unit
Dokumentazzjoni rigward mistoqsijiet u ilmenti tal-klijenti bħal kuntratti
t’impjieg, employment history, engagement/termination forms, payslips,
eċċ.
Taqsima Leġislattiva, tal-Affarijiet
Internazzjonali u ta’ Riċerka
Dokumentazzjoni dwar l-UE u materji tal-Awtorita’ Ewropea tax-Xogħol u
Organizzazzjoni Dinjija tax- Xogħol bħal noti informattivi, memos u dokumenti
ta’ pożizzjoni.
Support Services Unit
Fajls Personali u dokumentazzjoni relatati ma’ Prokura, Kontijiet, materjal
relatat ma’ Riżorsi Umani, u Skemi ta’ Self ta’ Persuni li jaħdmu għal rashom
(Self-Employed). Dokumenti relatati ma’ każijiet tat-Tribunal Industrijali.