L-istorja tar-relazzjonijiet industrijali f'Malta kienet prinċipalment xprunata bit-twaqqif tal-ewwel għaqdiet tal-ħaddiema f'Malta. L-ewwel trade unions Maltin imorru lura sa tard is-Seklu 19 meta l-influwenza tal-moviment tat-trade unions Ingliżi u tal-mudell tar-Relazzjonijiet Industrijali bdiet dieħla f'pajjiżi oħra. L-ewwel waħda kienet il-Fitters Union (aktar tard ġiet imsejħa bħala Società Operaia (Isla) u ġiet iffurmata bħala “Benefits Society” fl-1884 minn fitters tat-Tarzna.
Fl-1916 il-ħaddiema tat-Tarzna ffurmaw l-Imperial Government Workers Union li kienet ordnat l-ewwel strajk fit-Tarzna f’Mejju 1917. Dan l-istrajk seħħ minħabba li ż- żieda ta' 10% fil-pagi mogħtija mill-Gvern Imperjali, kienet ikkunsidrata bħala baxxa meta kkomparata mal-inflazzjoni għolja fil-prezzijiet ta' prodotti essenzjali bħal ħobż, ħalib u laħam li dak iż-żmien kienu skarsi minħabba l-Ewwel Gwerra Dinjija. Għalkemm il-Gvern Imperjali kien għolla r-rata tal-paga, it-tbatijiet fuq diversi strata tas-soċjeta kkawżati minn inflazzjoni persistenti, baqgħu jinħassu anke wara t-tmiem ta’ dan il-kunflitt. Dawn it-tbatijiet eventwalment wasslu għall-irvellijiet tas-7 ta' Ġunju 1919.
Fl-ewwel kwart tas-Seklu 20 in-negozjar kollettiv kien isir mingħajr l-eżistenza ta' qafas legali. Madankollu din is-sitwazzjoni inevitabbilment ħolqot problemi prattiċi, li flimkien mal-kwistjoni tal-qgħad imbuttat lil-Ministeru tal-Posta, Agrikoltura, Xogħol u Emigrazzjoni sabiex jagħmel studju relattiv. L-istudju li sar mill-Kaptan Henry C. Curmi wassal għall-ħolqien ta' Uffiċċju tax-Xogħol li kien l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta' dak li llum huwa magħruf bħala d-Dipartiment għall-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER). Ir-riżultat l-aktar notevoli tal-Uffiċċju tax-Xogħol kien il-promulgazzjoni tal-Workers Compensation Act fl-1929 li ppermetta li ħaddiema jkunu assigurati f’każijiet ta’ korrimenti fuq ix-xogħol. Fl-1933 l-Uffiċċju tax-Xogħol sar magħruf bħala d-Dipartiment tax-Xogħol li kompla joħroġ aktar liġijiet tax-xogħol bħall-Weekly Rest (Bakers and Barbers) Act 1933, Hours of Employment Ordinance 1936, Stevedores and Port Workers Ordinance 1939 u l-Factories Ordinance 1940.
It-Tieni Gwerra Dinjija kellha effett notevoli fuq l-organizzazzjoni tad-Dipartiment u mill-1943 inħolqu d-Direttur tas-Servizz Nazzjonali u d-Direttur tal-Man Power u l-Kummissarju għax-Xogħol u l-Emigrazzjoni. F’Novembru 1943 il-Gvern iddeċieda li jiġbor it-taqsimiet tax-xogħol, il-welfare, l-emigrazzjoni u l-assigurazzjoni f’dipartiment wieħed, taħt id-Direttur tax-Xogħol u Sigurtà Soċjali. Ir-riorganizzazzjoni tad-Dipartiment tax-Xogħol ġabet magħha l-amalgamazzjoni tas-Servizz Nazzjonali u sezzjonijiet tal-Manpower taħt id-direttorat tas-Sur H.E. Knott.
F’Ottubru tal-1943 twaqqfet il-General Workers Union (GWU) li ġabret madwar 22,000 membru fi żmien sena. Is-Segretarju tal-GWU Reggie Miller sejjaħ għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar it-Trade Unions fejn it-tali talba ġiet milqugħa f’Marzu 1945 bil-promulgazzjoni tat-Trade Unions and Trade Disputes Ordinance 1945. Din il-liġi inter alia ipprovdiet għar-reġistrazzjoni obbligatorja tat-Trade Unions u għall-ħatra ta' Reġistratur tat-Trade Unions. Din kienet kisba importanti għall-mekkaniżmu tar-relazzjonijiet industrijali f'Malta għaliex tagħat lit-trade unions ħelsien minn kawżi dwar għemil ta’ ħsara imwettaq fil-kontemplazzjoni jew avvanz ta' tilwima kummerċjali. L-ewwel lista ta' sħubija ddikjarata tat-Trade Unions reġistrati tmur lura sa Mejju 1946. F'April tal-1948 id-Dipartiment sar magħruf bħala d-Dipartiment tax-Xogħol peress li t-taqsima tas-Sigurta’ Soċjali ma baqgħetx tifforma parti mid-Dipartiment u ġiet trasferita mal-Ministeru tas-Servizzi tas-Saħħa u s-Sigurta’ Soċjali. F'Settembru 1948 giet ippubblikata l-Conciliation and Arbitration Act li pprovdiet għas-soluzzjoni ta' tilwim industrijali u għat-twaqqif ta' Tribunal ta' Arbitraġġ u Qorti ta' Inkjesta.
It-Trade Unions and Trade Disputes Ordinance 1945 ġiet mibdula fl-1952 bil-pubblikazzjoni tal-Conditions of Employment (Regulation) Act 1952 (CERA). Għal nofs seklu iċ-CERA irregolat ir-relazzjonijiet bejn il-prinċipal u l-impjegati. Fost affarijiet oħra, din ipprovdiet għall-protezzjoni tal-pagi (meqjusa bħala djun privileġġati), leave ta' vaganza u tkeċċija inġusta. Iċ-CERA pprovdiet ukoll għat-twaqqif tal-Kunsilli tal-Pagi li kellhom il-funzjoni li jiffissaw kundizzjonijiet tal-impjieg imfassla apposta għas-setturi speċifiċi, magħrufa bħala Ordnijiet li-Jirregolaw il-Pagi (WRO). Id-Dipartiment tax-Xogħol ġie investit bid-doveri ta' spezzjoniet tax-xogħol u l-infurzar. F'Diċembru tal-1955 id-Dipartiment ġie amalgamat ma' dak tas-Sigurtà Soċjali. Tliet xhur wara, fi Frar tal-1956, sar magħruf bħala d-Dipartiment tax-Xogħol, l-Emigrazzjoni u s-Sigurta’ Soċjali wara li ġiet amalgamata miegħu l-Emigrazzjoni u l-operat tiegħu ġie trasferit minn 108 Triq Britannia għal 11 Kingsway, il-Belt Valletta.
Il-Bord Nazzjonali tax-Xogħol ġie stabbilit wara l-promulgazzjoni tal-Employment Services Act fl-1955 li provdiet il-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-persuni qiegħda. Fl-istess sena delegazzjoni tripartitika magħmula mid-Direttur tal-Emigrazzjoni, ix-Xogħol u s-Sigurtà Soċjali (jirrappreżenta l-Gvern), delegat mit-Trade Unions u ieħor jirrappreżenta l-Prinċipali, ħadu sehem bħala osservaturi fl-ewwel involviment internazzjonali uffiċjali ta’ Malta fir-relazzjonijiet industrijali fil-konferenza annwali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) f'Ġinevra. Fl-1968 minħabba l-ammont ta' xogħol dejjem jikber, il-qasam tas-Sigurta’ Soċjali ġie sseparat mid-Dipartiment, li ġie sempliċement msemmi mill-ġdid bħala d-Dipartiment tax-Xogħol u l-Emigrazzjoni. Fl-1976 ġie adottat l-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali (IRA) li apparti mill-konsolidazzjoni tat-Trade Unions and Trade Disputes Ordinance 1945 u l-Conciliation and Arbitration Act tal-1948, l-att ipprovda kunċetti ġodda bħat-twaqqif tat-Tribunal Industrijali li fost l-oħrajn joffri l-possibbiltà ta ristabbiliment fl-impjieg għal dawk misjuba li ġew imkeċċija inġustament.
L-1990 kienet sena ta’ żvolta għad-Dipartiment tax-Xogħol, b'mod partikolari wara l-promulgazzjoni tal-Att dwar is-Servizzi ta' Impieg u Taħriġ li welled il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC). Id-Dipartiment tax-Xogħol tilef uħud mill-funzjonijiet ewlenin tiegħu jiġifieri r-reġistrazzjoni ta' persuni li jfittxu l-impjieg, id-database (Ktieb tax-Xogħol) u l-funzjoni ta' taħriġ. Barra minn hekk, il-Bord Nazzjonali tax-Xogħol ma baqax jeżisti u kien sostitwit mill-Awtorità Nazzjonali tax-Xogħol. Fl-istess sena ġie mwaqqaf ukoll il-Kunsill (tripartitiku) Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku (MCED), li beda’ jopera il-Ftehim Nazzjonali dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali bil-għan li jitnaqqsu kunflitti industrijali assoċjati b'mod partikolari mal-iffissar tal-pagi.
L-avvenimenti tal-1990 dehru li naqqsu xi ftit milll-importanza tad-Dipartiment tax-Xogħol. Madankollu wara l-adozzjoni tal-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali fl-2002 (EIRA) li kkonsolida ċ-CERA u l-IRA, id-Dipartiment żviluppa f’istituzzjoni ewlenija fil-qasam tar-relazzjonijiet industrijali. Id-Dipartiment li issa sar magħruf bħala d-Dipartiment għall-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) ma kienx baqa’ sempliċement meqjus biss bħala l-entità responsabbli biex tirkupra l-flus u l-benefiċċji dovuti mat-terminazzjoni mix-xogħol tal-ħaddiema.
Id-DIER assuma dimensjoni importanti fir-relazzjonijiet industrijali, per eżempju kien vestit bir-responsabbiltà li jeżegwi r-rekwiżiti tal-EIRA dwar l-adozzjoni tal-Acquis dwar l-Impiegi tal-UE. Bħala parti mill-Politika tal-Gvern biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, l-uffiċjali tad-Dipartiment ikkontribwixxew għal-proċess ta' adeżjoni mal-UE fejn fost l-oħrajn ipparteċipaw fid-diskussjonijiet tripartitiki fil-proċess ta' negozjati fuq livell nazzjonali. Illum, l-uffiċjali tad-Dipartiment regolarment jattendu laqgħat ta’ Gruppi ta' Esperti tal-UE fejn jiġu diskussi Direttivi tal-UE u inizjattivi relatati.
Leġiżlazzjoni sussidjarja taħt l-EIRA tiġi regolarment imħejjija mid-Dipartiment biex imbagħad tiġi diskussa fil-Bord dwar ir-Relazzjonijiet dwar l-Impiegi (ERB) li min-naħa tiegħu jirrakkomanda li l-leġiżlazzjoni tiġi mgħoddija lill-Ministru responsabbli mir-relazzjonijiet industrijali u l-impjiegi għall-approvazzjoni.
Il-kompetizzjoni dejjem tiżdied fis-suq globali, teħtieġ relazzjonijiet industrijali aktar kooperattivi. Dan ix-xenarju saħħaħ l-importanza tar-rwol tad-DIER sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-Parti II tal-EIRA li jittrattaw il-ftehim volontarju f’każijiet ta' tilwim industrijali u jipprovdi għat-twaqqif ta' Panel ta' Konċiljazzjoni.
Id-Direttur tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg għandu rwol ewlieni fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim marbut mar-relazzjonijiet bejn prinċipal u trade union/s (eż. kwistjonijiet ta’ Ftehim Kollettiv) u wkoll tilwim li jinvolvi rikonoxximent ta’ trade union. Id-DIER igawdi minn track record ta' suċċess fl-eżerċizzju tar- riżoluzzjoni ta’ tilwim u bis-saħħa t’hekk jiġu evitati strajks jew forom oħra ta' azzjoni industrijali u jikkontribwixxi għal klima industrijali aktar stabbli.
Id-DIER dejjem jara li jtejjeb fil-limiti tar-riżorsi finanzjarji u umani tiegħi l-operazzjonijiet tat-taqsimiet tal-Ispettorat, l-Infurzar u tal-Customer Care tiegħu sabiex jipprovdi servizz aħjar lill-klijenti. Rwol ieħor huwa dak li joffri appoġġ għall-Bord ta' Amministrazzjoni tal-Fond ta' Garanzija li jipprovdi għall-protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-prinċipal li jħaddimhom, sakemm ikun garantit il-ħlas ta’ talbiet validi għal pagi mhux imħallsa.
Ingħatat importanza mistħoqqa għar-riċerka fil-qasam tax-xogħol bit-twaqqif tat-Taqsima għar-Riċerka li fost l-oħrajn twettaq studji dwar oqsma tas-suq tax-xogħol u wkoll dwar il-proċeduri interni tad-Dipartiment. Il-prevvediment ta' informazzjoni dwar il-qasam tax-xogħol qiegħed ukoll jingħata l-importanza dovuta.
Id-DIER reċentement ippubblika 9 fuljetti dwar il-kundizzjonijiet tal-impieg filwaqt li f'Awwissu tal-2006 tnediet il-pubblikazzjoni perjodika ta' newsletter elettronika. F'Diċembru tal-2010 ġiet imnedija il-website il-ġdida tad-Dipartiment li fost affarijiet oħra tipprovdi informazzjoni estensiva dwar il-kundizzjonijiet tal-impieg kif ukoll database dwar id-deċiżjonijiet tat-Tribunal Industrijali.
Id-Dipartiment għall-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali jinsab f’109/121 Triq Melita Valletta u jirsisti "biex jipproteġi l-interessi tal-ħaddiema li għandhom kuntratti ta’ impjieg filwaqt li, fi spirtu ta' sħubija soċjali, attivament jippromwovi relazzjoni b'saħħitha, u jikkontribwixxi għal relazzjonijiet industrijali stabbli"
Awtur: Louis Grech
Biblijografija
Rapporti Annwali tad-Dipartiment
Attard, J. (1984). Industrial Relations in Malta. 1st ed. Hamrun: Publishers Enterprises Group.