Kuntratt ta' servizz ifisser ftehim, kemm jekk verbali jew bil-miktub, li bih persuna tintrabat li tagħmel servizz lil jew taħdem għal prinċipal bil-ħlas ta’ paga. Għalhekk anki ftehim verbali bejn impjegat u prinċipal huwa validu u infurzabbli bil-liġi.
F'dawk il-każijiet fejn ma jkunx ġie ffirmat kuntratt bil-miktub bejn l-impjegat u l-prinċipal, dan tal-aħħar huwa marbut li jagħti lill-impjegat dikjarazzjoni ffirmata li għandha tinkludi d-dettalji li ġejjin:
» Data tal-bidu tal-impieg;
» Ir-rati normali tal-pagi li għandhom jitħallsu;
» Ir-rati ta’ sahra tal-pagi li għandhom jitħallsu;
» Is-sigħat normali tax-xogħol;
» Il-perjodiċità tal-pagamenti tal-pagi;
» Fil-każ ta' kuntratt fiss jew definit ta' impieg, it-tul tal-perjodu mistenni jew miftiehem tal-kuntratt;
» Il-btajjel imħallsa, u l-leave, il-leave tal-mard u leave ieħor li l-ħaddiem hu intitolat għalih;
» Il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu imposti multi mill-prinċipal;
» It-titolu, grad, natura jew kategorija ta' xogħol li għalih il-ħaddiem hu mpjegat;
» Il-perjodi tal-avviż tat-temm ta’ impieg li għandhom jiġu osservati mill-prinċipal u l-impjegat jekk ikun il-każ;
» Il-ftehim kollettiv, jekk ikun hemm, li jirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegat; u kwalunkwe kundizzjoni tal-impieg oħra rilevanti jew applikabbli.
Meta jkun hemm kuntratt bil-miktub iffirmat mill-prinċipal u l-impjegat, l-informazzjoni t'hawn fuq għandha tiġi inkluża wkoll fil-kuntratt. Fi kwalunkwe każ, jekk il-perjodu ta’ impieg jaqbeż xahar u jeċċedi t-tmien sigħat ta' xogħol fil-ġimgħa, kopja tal-kuntratt ta' servizz jew id-dikjarazzjoni ffirmata mill-prinċipal għandha tingħata lill-impjegat sa mhux aktar tard minn tmint ijiem tax-xogħol mill-bidu tal-impieg u l-prinċipal huwa meħtieġ li jżomm kopja.