Perjodu ta' Probation

Perjodu ta' Probation

Perjodu ta’ Prova

Il-perjodu ta’ prova huwa stadju important f’relazzjoni ta’ impjieg. F’dan il-perjodu il-partijiet ikollom iċ-ċans jivverifikaw jekk l-impjieg huwiex adattat għal ħaddiem u sabiex l-impjegatur jipprovdi l-appoġġ neċessarju lil ħaddiem f’din l-ewwel fażi tal-impjieg. Għaldaqstant il-perjodu ta’ prova għandu jkun ta’ tul raġonevoli.

Perjodu ta’ Prova għal Kuntratt tax-Xogħol għal Perjodu Indeterminat

Relazzjonijiet ta’ impjieg huma soġġetti għal perjodu ta’ prova ta’ sitt xhur sakemm il-partijiet ma jilħqux qbil għal perjodu iqsar.

Perjodu ta’ Prova għal Kuntratti tax-Xogħol għal Terminu ta’ Żmien Fiss

Il-perjodu ta’ prova applikabbli għal kuntratt ta’ xogħol għal terminu ta’ żmien fiss għandu jiġi stabbilit fid-dawl tat-termini maqbula dwar it-tul tal-kuntratt tax-xogħol.

It-termini l-ġodda tal-liġi dwar il-perjodu ta’ prova introduċew il-kunċett tal-proporzjonalità. It-tabella li tidher hawn taħt turi l-perjodi ta’ prova applikabbli għal kuntratti tax-xogħol b’terminu ta’ żmien fiss, sakemm il-partijiet ma jilħqux qbil għal perjodu ta’ prova iqsar. Fir-rigward ta’ ħaddiema li jokkupaw karigi tekniċi, eżekuttivi, amministrattivi jew maniġerjali, u li għandhom paga li hija tal-anqas id-doppju tal-paga minima nazzjonali stabbilita għal dik is-sena, japplikaw termini oħra, kif inhu spjegat taħt it-termini ġenerali iktar l-isfel.

Tul tal-Kuntratt tax-Xogħol

Perjodu ta’ Prova

Iqsar minn sitt xhur

terz (1/3) tat-tul tal-kuntratt tax-xogħol

6 xhur

2 xhur

7 xhur

2 xhur

8 xhur

3 xhur

9 xhur

3 xhur

10 xhur

3 xhur

11 -il xahar

4 xhur

12 -il xahar

4 xhur

13 -il xahar

4 xhur

14 -il xahar

5 xhur

15 -il xahar

5 xhur

16 -il xahar jew iktar

6 xhur

 

Sospensjoni tal-Perjodu ta’ Prova

Perjodi ta’ prova għandhom jiġu sospiżi waqt perjodi ta’ assenza ġustifikata mix-xogħol bħal fil-każ ta’ leave annwali, leave għal mard, leave tal-maternità, leave tal-adozzjoni u leave għal servizz bħala ġurat, meta dan il-perjodu ta’ assenza jkollu tul ta’ ġimgħatejn jew iktar. Il-perjodu ta’ prova għandu jitkompla meta l-perjodu ta’ assenza jintemm.

 

Termini Ġenerali

Fil-każ ta’ impjegati li jokkupaw karigi tekniċi, eżekuttivi, amministrattivi jew maniġerjali, u li għandhom paga li hija tal-anqas id-doppju tal-paga minima nazzjonali stabbilita għal dik is-sena, il-perjodu ta’ prova għandu jkun ta’ tnax (12)-il xahar, sakemm ma jkunx intlaħaq qbil bejn il-partijiet għal perjodu ta’ prova iqsar.

F’kull każ, il-partijiet jistgħu jaqblu għal perjodu ta’ prova iqsar minn dak stabilit fil-liġi.

F’każijiet meta l-kuntratt tax-xogħol jiġi mġedded għall-istess xogħol, ir-relazzjoni tax-xogħol ma għandhiex tkun soġġetta għal perjodu ta’ prova ġdid.

Ħaddiem ma jistax jiġi tterminat mill-impjieg waqt il-perjodu ta’ sospensjoni tal-perjodu ta’ prova. Minn naħa l-oħra, waqt il-perjodu ta’ prova, kemm l-impjegatur kif ukoll il-ħaddiem jistgħu jitterminaw l-impjieg mingħajr ma jagħtu raġuni għat-terminazzjoni.

Waqt il-perjodu ta’ prova, fir-rigward ta’ kull kuntratt ta’ impjieg – iġifieri irrispettivament mit-tip ta’ xogħol, it-termini maqbula dwar it-tul tal-impjieg u t-tul tal-perjodu ta’ prova – perjodu ta’ notice ta’ ġimgħa għandu jiġi applikat meta l-ħaddiem ikun ilu fl-impjieg ma’ l-istess impjegatur b’mod kontinwu għal iktar minn xahar.​




​Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar fl-13/01/2023.

DETTALJI TA' KUNTATT:

 Isem tal-Kuntatt

Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg,
121, Triq Melita,
Valletta - Malta,
VLT 1121
Ara l-mappa
 Telefon
1575 Għall-Ħaddiema
1576 Għal Min Iħaddem

 Email