Id-Dipartiment jinvestiga każijiet fejn ikun allegat li seħħ ksur tal-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (EIRA). Tali allegazzjonijiet ta’ ksur tal-liġi jistgħu jiġu rrapportati fuq bażi anonimu billi żżur il-Customer Care fit-Taqsima tal-Infurzar, jew billi tikkuntattja l-istess taqsima permezz tat-telefown, il-posta jew il-posta elettronika. Ilmenti fuq bażi personali (bħal ma huma pagi mhux imħalsin eċċ) għandhom jiġu ppreżentati personalment billi jżuru dan id-Dipartiment f’109 Melita Triq il-Belt Valletta matul il-ħinijiet tal-ftuħ tad-Dipartiment.
» Il-ħinijiet tal-ftuħ huma kif ġej:
Xitwa (1 t’Ottubru - 15 ta’ Ġunju) barra kull nhar ta' Erbgħa |
08:00 hrs – 15:30 hrs |
Fix-Xitwa kull nhar ta' Erbgħa (1 t'Ottubru - 15 ta' Ġunju) |
08:00 hrs – 12:00 hrs (nofsinhar) |
---|
Rapporti u lmenti minn impjegati li jkunu għadhom fl-impjieg jiġu trattati mit-Taqsima tal-Ispettorat. Kull rapport jiġi investigat u jekk jinstab ksur fil-liġi, il-prinċipal ikkonċernat jiġi ikkuntattjat u d-Dipartiment jittratta l-każ kif xieraq. F’każ li l-prinċipal jippersisti bil-ksur tal-liġi, jinbdew proċeduri kriminali kontra l-prinċipal fil-Qorti tal-Maġistrati bħala l-Qorti tal-Ġudikatura Kriminali.
Każijiet relatati ma’ terminazzjoni tal-impjieg jiġu trattati mit-Taqsima tat-Terminations. Din it-taqsima tassisti dawk li r-relazzjoni tal-impjieg tagħhom tkun ġiet terminata, sabiex ikun żgurat li dak l-impjegat li jkun temm l-impjieg jitħallas dak kollu dovut lilu. Fin-nuqqas ta' konformità, jingħata bidu għal proċeduri kriminali. Sabiex jiġi pproċessat ilment dwar ħlasijiet pendenti wara t-terminazzjoni tal-impjieg, l-eks-impjegat ikkonċernat għandu jirrikori personalment fl-uffiċċju tad-Dipartiment biex jitwettqu l-investigazzjonijiet meħtieġa. Huwa importanti li jiġu ppreżentati d-dokumenti kollha relatati mal-każ. Jekk jinstab li tkun inkisret il-liġi, id-Dipartiment joħroġ talba għar-riżarċiment tal-ħlasijiet pendenti lill-eks-prinċipal fejn f’każ li din ma tintlaqax, il-każ jiġi riferut biex tittieħed azzjoni legali fil-Qorti. It-Taqsima tal-Ispettorat tad-Dipartiment twettaq ukoll spezzjonijiet regolari f’postijiet tax-xogħol differenti, kemm sabiex jiġu investigati lmenti partikolari kif ukoll b’mod każwali.
Id-Dipartiment jinvestiga r-rapporti kollha li jidħlu għandu, inklużi dawk li jiġu rċevuti b'mod anonimu. Ir-rapporti kollha, l-ilmenti u l-investigazzjonijiet jiġu trattati b’kunfidenzjalità stretta u skont l- Att Dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data.