Bir-regolamenti stabbiliti fl-
Liġi Sussidjarja 452.92 - Regolamenti dwar l-Impieg ta’ żgħażagħ, il-liġi tħares li tipproteġi lill-ħaddiema żgħażagħ fl-impieg. Żgħażagħ jistgħu jkunu tfal (minuri) li jkunu għadhom fl-età obligatorja għall-Iskola (ma għalqux l-età ta’ sittax-il sena jew li ma jkunux lestew l-aħħar sena tal-iskola sekondarja) u dawk ta’ bejn l-età obligatorja għall-Iskola u t-tmintax-il sena, magħrufa bħala adolexxenti. Hemm protezzjoni akbar fejn jidħol xogħol ta’ minuri.
Adolexxenti
Hawn taħt hawn indikat xi kundizzjonijiet tax-xogħol li l-Employer għandu josserva meta jħaddem persuna adolexxenti:
• Il-ħin tax-xogħol matul il-ġurnata m’għandux ikun itwal minn 8 sigħat;
• Il-ħin tax-xogħol matul il-ġimgħa m’għandux jaqbeż l-40 siegħa. Dan jgħodd (b’mod kumulattiv) anke jekk ix-xogħol ikun maqsum f’aktar minn impieg wieħed;
• Ma jistax isir xogħol matul il-lejl, jiġifieri f’ħin bejn l-għaxra ta’ filgħaxija u s-sitta ta’ filgħodu. Jista’ jkun hemm eżenzjonijiet fis-setturi tat-tbaħħir jew tas-sajd, sptarijiet jew istituzzjonijiet simili u f’attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi jew ta’ reklamar, jekk ikun hemm raġunijiet oġġettivi;
• Il-break matul il-ġurnata tax-xogħol huwa ta’ mill-inqas 30 minuta wara erba’ sigħat u nofs xogħol;
• Il-mistrieħ tal-jum (bejn ġurnata xogħol u oħra) għandu jkun ta’ mhux anqas minn 12-il siegħa konsekuttiva;
• Il-mistrieħ tal-ġimgħa huwa ta’ jumejn, li possibilment ikunu konsekuttivi, u li fil-prinċipju jkunu jinkludu l-ġurnata tal-Ħadd
Barra minn hekk l-Employer għandu jara li:
• Jitlob ċertifikat tat-twelid qabel jimpjega persuna adolexxenti;
• Ukoll qabel jimpjega jikseb il-permess bil-miktub mingħand tal-anqas wieħed jew waħda mill-ġenituri tal-persuna adolexxenti;
• Jekk ma jkunx ġie ffirmat kuntratt tax-xogħol għandu jagħti lill-impjegat, dikjarazzjoni ffirmata mill-Employer li tkun tinkludi l-kundizzjonijiet tax-xogħol miftehma mal-impjegat, fi żmien 8 t’ijiem tax-xogħol;
• Iżomm records li jkunu jinkludu d-dettalji tal-persuna adolexxenti, bħall-isem, id-data tat-twelid, il-ħin tax-xogħol u l-paga, għal perjodu minimu ta’ 3 snin.
Tfal
Ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol li japplikaw dwar impieg ta’ żgħażagħ huma aktar protettivi fejn jidħol xogħol ta’ tfal. Xogħol jinkludi kull attività li tista’ ssir kemm bi ħlas kif ukoll mingħajr ħlas.
Qabel ikun jista’ jimpjega tfal li jkunu għadhom fl-età obligatorja għall-Iskola, l-Employer jeħtieġ awtorizzazzjoni li tinħareġ mid-Direttur Ġenerali tas-Servizzi Edukattivi u mid-Direttur għall-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali.
Talba għall-awtorizzazzjoni tista’ tkun ikkunsidrata biss jekk ix-xogħol offrut huwa ta’ natura ħafifa u ma jkunx ta’ periklu għas-saħħa jew ta’ dannu għall-iżvilupp tal-minuri.
F’dan ir-rigward irid ikun żgurat li:
1. l-Employer ikun għamel valutazzjoni tar-riskju (risk assessment) għax-xogħol tal-minuri li jikkonferma li x-xogħol ma jkunx ta’ periklu, u
2. Id-Direttur Generali, Servizzi Edukattivi ma jkollux oġġezzjoni mill-aspett edukattiv.
Għandha ssir talba għall-awtorizzazzjoni għal tfal taħt l-14-il sena biss fejn tkun marbuta ma’ parteċipazzjoni f’attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi jew ta’ reklamar u għal tfal ta’ 14 u 15-il sena anke f’xogħol ħafif li jista’ jkun f’attivitajiet oħra. Impiegi f’oqsma oħra ma jiġux awtorizzati.
Meta jinħareġ permess sabiex tifel jew tifla taħdem, l-Employer għandu jara li josserva l-kundizzjonijiet marbuta ma’ dak il-permess.
Il-kundizzjonijiet minimi tal-impieg ta’ minuri stabbiliti fil-liġi jinkludu:
• Limitu ta’ sigħat tax-xogħol fil-ġurnata ta’ mhux aktar minn 8 sigħat;
• Limitu ta’ sigħat tax-xogħol fil-ġimgħa ta’ mhux aktar minn 40 siegħa. Dan jgħodd (b’mod kumulattiv) anke jekk ix-xogħol ikun maqsum f’aktar minn impieg wieħed;
• Ma jistax isir xogħol matul il-lejl, f’ħin bejn it-tmienja ta’ filgħaxija u s-sitta ta’ filgħodu;
• Break matul il-ġurnata tax-xogħol ta’ mill-inqas 30 minuta wara erba’ sigħat u nofs xogħol;
• Mistrieħ tal-jum (bejn ġurnata xogħol u oħra) ta’ mhux anqas minn 14-il siegħa konsekuttivi;
• Mistrieħ tal-ġimgħa ta’ jumejn konsekuttivi, li ġurnata minnhom tkun il-Ħadd;
• Minimu aggregat ta’ 21 ġurnata bla xogħol matul il-vaganzi tal-iskola.
L-istess bħal fil-każ tal-adolexxenti, l-Employer għandu jara li:
• Jitlob ċertifikat tat-twelid qabel jimpjega tifel jew tifla;
• Ukoll qabel jimpjega, jikseb il-permess bil-miktub ta’ ġenitur tal-minuri;
• Jekk ma jkunx ġie ffirmat kuntratt tax-xogħol, jagħti lill-impjegat, dikjarazzjoni ffirmata mill-Employer li tkun tinkludi l-kundizzjonijiet tax-xogħol miftehma mal-impjegat minuri, fi żmien 8 t’ijiem tax-xogħol;
• Iżomm records li jkunu jinkludu d-dettalji tal-impjegat minuri, bħall-isem, id-data tat-twelid, il-ħin tax-xogħol u l-paga, għal perjodu minimu ta’ 3 snin.
F’każ ta’ xi diffikultà relatata ma’ impieg ta’ żgħażagħ, wieħed jista’ jagħmel kuntatt mas-Servizzi Nazzjonali ta’ Support għall-Iskejjel fuq - 25983494 / 88 jew mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg, fuq - 21224245 / 46.