Min hu ikkunsidrat bħala Impjegat Stazzjonat f’Malta?

Impjegat Stazzjonat f’Malta huwa impjegat ta’ ażjenda barranija li normalment ma jkunx jahdem f’Malta imma li għal perjodu ta’ żmien limitat jintbagħat minn ażjenda barranija biex jaħdem Malta.
L-istazzjonar ta’ impjegati f’Malta huwa regolat bl-Avviż Legali 430 tal-2002 - Regolamenti dwar Impjegati Stazzjonati f'Malta. Dawn ir-regolamenti japplikaw għall-ażjendi barranin li:
» jibagħtu impjegati stazzjonati f’Malta biex jagħmlu xogħol tagħhom u taħt id-direzzjoni tagħhom, bis-saħħa ta’ kuntratt magħmul bejn l-ażjenda li tistazzjona u l-parti l-oħra li s-servizzi huma maħsuba għaliha, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impieg bejn l-ażjenda li tistazzjona u l-ħaddiem tul il-perjodu tal-istazzjonar; jew
» jibagħtu impjegati stazzjonati f’Malta biex jagħmlu xogħol tagħhom u taħt id-direzzjoni tagħhom, bis-saħħa ta’ kuntratt magħmul bejn l-ażjenda li tistazzjona u l-parti l-oħra li s-servizzi huma maħsuba għaliha, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impieg bejn l-ażjenda li tistazzjona u l-ħaddiem tul il-perjodu tal-istazzjonar; jew
» jibagħtu impjegati stazzjonati fi stabbiliment jew f’ażjenda f’Malta li tkun proprjetà ta’ ażjenda barranija, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impieg bejn l-ażjenda li tistazzjona u l-ħaddiem tul il-perjodu tal-istazzjonar; jew
» peress li jkunu ażjendi li joffru impieg temporanju jew aġenziji li jsibu x-xogħol, jikru ħaddiem lil ażjenda stabbilita li tużah jew li tkun topera f’Malta, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impieg bejn l-ażjenda li toffri l-impieg temporanju, jew l-aġenzija li ssib ix-xogħol, u l-ħaddiem tul il-perjodu ta’ l-istazzjonar.
Trattament Ugwali
L-impjegati stazzjonati kollha għandhom id-dritt jirċievu trattament ugwali daqs impjegati komparabbli u b’mod partikolari għandu jkollhom aċċess ugwali għal drittijiet dwar l-impieg u drittijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà taħt il-liġi ta’ Malta.
Il-kundizzjonijiet tax-xogħol li jingħataw lil impjegati stazzjonati waqt li jaħdmu f’Malta m’għandhomx ikunu inqas mill-kundizzjonijiet tax-xogħol minimi li huma ġeneralment applikabbli bis-saħħa tal-liġi, ta’ impjegat komparabbli fl-istess post tax-xogħol.
Dawn il-kundizzjonijiet minimi jinkludu:
» Perjodi massimi ta’ xogħol u perjodi minimi ta’ mistrieħ kif applikati għal diversi klassijiet ta’ impjegati
» Vaganzi annwali mħallsin minimi kif applikati għal diversi klassijiet ta’ impjegati
» Rati ta’ paga minima, inklużi rati tas-sahra kif applikati għal diversi klassijiet ta’ impjegati
» Trattament ugwali bejn irġiel u nisa u dispożizzjonijiet oħra dwar li ma għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni konformi mal-liġijiet ta’ Malta
» Miżuri protettivi konformi mal-liġijiet ta’ Malta fir-rigward ta’ pattijiet u kundizzjonijiet ta’ impieg li jħarsu lil nisa tqal jew nisa li jkunu welldu ftit żmien qabel
» Miżuri protettivi konformi mal-liġijiet ta’ Malta fir-rigward ta’ pattijiet u kundizzjonijiet ta’ impieg li jħarsu tfal u żgħażagħ
» Miżuri konformi mal-liġijiet ta’ Malta fir-rigward ta’ saħħa, sigurtà u iġjene fuq ix-xogħol
» Il-kundizzjonijiet ta’ kiri tal-ħaddiema, b’mod partikolari l-provvista ta’ ħaddiema b’ażjendi ta’ impjieg temporanju
Notifika
Waqt il-qadi tax-xogħol tiegħu f’Malta, impjegat li jkun qiegħed jiġi stazzjonat minn pajjiż tal-UE/ŻEE mhux meħtieġ biex japplika għal liċenzja tax-xogħol f’Malta. F’każ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz (ĊPT) li jkun impjegat u se jiġi stazzjonat minn ażjenda stabbilita f’pajjiż tal-UE/ŻEE, mhux meħtieġ li jgħaddi mill-proċess għal liċenzja tax-xogħol f’Malta jekk it-tali impjegat stazzjonat diġa jkollu liċenzja tax-xogħol maħruġa fil-pajjiż fejn l-ażjenda msemmija hija stabbilita.
Għal kull ċittadin barrani li jkun stazzjonat f’Malta minn ażjenda stabbilita f’pajjiż barra l-UE/ŻEE, tkun meħtieġa liċenzja tax-xogħol li trid tinħareġ mill-Jobsplus
jobsplus.gov.mt.
F’kull każ ta’ stazzjonar f’Malta, l-ażjenda li tistazzjona l-impjegat f’Malta hija obbligata li tinnotifika lid-Direttur tal-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali bl-intenzjoni tagħha li tistazzjona impjegat f’Malta. Formola preparata apposta ta’ ‘
Notifika ta’ Impjegat Stazzjonat f’Malta’, tista’ tinkiseb minn dan il-link. Il-Formola ta’ Notifika akkumpanjata b’kopja tal-kuntratt tax-xogħol tal-impjegat stazzjonat (mal-ażjenda li tkun qed tistazzjona) u,
fil-każ ta’ impjegat ta’ pajjiż terz stazzjonat minn pajjiż fl-UE/ŻEE, b’kopja eżistenti tal-liċenzja tax-xogħol tiegħu wkoll, trid tasal id-DIER qabel il-bidu tal-istazzjonar. L-ażjenda li tagħmel użu mis-servizzi tal-impjegat stazzjonat hija obbligata biex iżżomm kopja tat-tali Formola ta’ Notifika fuq il-post tax-xogħol għal skop ta monitoraġġ mill-ispetturi tad-DIER.
Ksur ta’ Drittijiet ta’ Ħaddiem Stazzjonat
Meta impjegat stazzjonat jallega li ġie ttrattat b’mod li jikser xi dritt mogħti lilu b’dawn ir-regolamenti, dak l-impjegat jista’ jippreżenta lill-prinċipal talba bil-miktub biex jagħtih dikjarazzjoni bil-miktub li jkun fiha elenkati r-raġunijiet, jekk ikun hemm, għal xi differenza fit-trattament, u dik id-dikjarazzjoni għandha tingħata mill-prinċipal fi żmien għaxart ijiem minn meta ssir it-talba.
Bidu ta’ Proċeduri
Mingħajr ebda preġudizzju għal kull dritt ieħor li jinbdew proċeduri fi stat ieħor, ħaddiem stazzjonat għandu d-dritt jibda proċeduri fil-qrati ta’ Malta sabiex jissalvagwardja xi dritt mogħti lilu bis-saħħa ta’ dawn ir-regolamenti.
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar ħaddiema stazzjonati Malta, ġentilment ibgħat fuq [email protected].
*Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor kull riferenza għall-ġeneru maskili tinkludi kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa.