F’każijiet ta’ allegat ksur tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-impjegat jista’ jippreżenta l-każ tiegħu lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg. L-impjegat irid jissostanzja l-każ b’kwalunwke dokumenti neċessarji sabiex id-Dipartiment ikun jista’ jinvestiga u jieħu l-passi neċessarji.
Id-Dipartiment ikun jista’ jibda proċeduri kriminali sakemm ma tkunx inqabżet is-sena żmien ta’ preskrizzjoni. Dan ma jippreġudikax id-dritt tal-impjegat, li jieħu passi kontra l-prinċipal tiegħu skont il-liġi ċivili.
Jekk il-prinċipal ma jħallasx il-pagi dovuti, l-impjegat jista’ jressaq l-ilment tiegħu għand l-uffiċjali tad-Dipartiment, li jieħdu l-passi neċessarji sabiex jinvestigaw il-każ. Jekk jinstab ksur fil-liġi, il-prinċipal ikkonċernat jiġi kkuntattjat u d-Dipartiment jittratta l-każ kif xieraq. F’każ li l-prinċipal jibqa’ ma jikkonformax mal-liġi, jinbdew proċeduri kriminali kontra l-prinċipal fil-Qorti tal-Maġistrati bħala l-Qorti tal-Ġudikatura Kriminali fejn l-impjegat jiġi mitlub iforni l-provi. L-impjegat bħala individwu għandu wkoll d-dritt li jirrikori għal azzjoni ċivili.
F’allegat każ ta’ tkeċċija inġusta, trattament diskriminatorju, ksur tal-prinċipju ta’ xogħol ta’ valur ugwali, vittimizzazzjoni u fastidju u każijiet oħrajn li jaqgħu taħt il-kompetenza tat-Tribunal Industrijali; l-individwu kkonċernat għandu jressaq dawn il-każijiet quddiem dan it-Tribunal.