Dan il-leave huwa regolat mill-Ordni ta’ Standard Nazzjonali dwar il-Leave tal-Adozzjoni (
LS 452.111). Dan il-leave għandu l-iskop illi jissalvagwardja id-drittijiet tal-impieg tal-impjegati li jkunu addottaw wild imma ma japplikax fil-każ ta’ adozzjonijiet fejn il-persuna li qed tiġi addottata hija l-wild naturali ta’ wieħed mill-ġenituri.
Impjegat li huwa ġenitur ta’ tifel jew tifla adottat jew adottata għandu jkun intitolat għal perjodu mhux interrott ta’ tmintax-il ġimgħa leave meta tifel jew tifla jkun adottat jew tkun adottata u tali leave għandu jibda mid-data meta t-tifel jew it-tifla jgħaddi jew tgħaddi fil-kura u kustodja tal-ġenitur jew ġenituri adottivi permezz ta’ sentenza ta’ qorti fil-pajjiż tal-oriġini.
Impjegat li qiegħed fuq leave tal-adozzjoni għandu jkun intitolat għall-ewwel erbatax-il
ġimgħa ta’ leave tal-adozzjoni b’paga sħiħa iżda jekk l-impjegat jagħżel li jagħmel użu minn xi leave tal-adozzjoni addizzjonali li jkun aktar minn erbatax-il ġimgħa, il-prinċipal m’għandux ikun obbligat li jħallas paga għal dawk il-ġimgħat ta’ leave tal-adozzjoni li jkun aktar mill-imsemmija erbatax-il ġimgħa, mingħajr preġudizzju għal kull benefiċċju relevanti fir-rigward ta’ xi perjodu ta’ leave tal-adozzjoni li jkun aktar minn erbatax-il ġimgħa skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali li l-impjegat jista’ jkun intitolat għalih jekk jagħżel li jagħmel użu mil-leave tal-adozzjoni li jkun aktar mill-erbatax-il ġimgħa imħallsin
Fil-każ ta’ ġenitur waħdu, il-leave tal-adozzjoni għandu jitgwada minn dak il-ġenitur. Fil-każ ta’ aktar minn ġenitur wieħed:
(i) Jekk ġenitur wieħed ikun fl-impieg fid-data tal-adozzjoni tat-tifel jew tifla, jitgawda minn dak il-ġenitur;
(ii) jekk iż-żewġ ġenituri huma fl-impieg, sew jekk ma’ prinċipali differenti sew jekk mal-istess prinċipal, fil-ġurnata tal-adozzjoni tat-tifel jew tifla, kull ġenitur għandu jkun intitolat għal parti tal-leave tal-adozzjoni skont kif maqbul bejniethom permezz ta’ftehim bil-miktub.
Kull impjegat li jkun bi ħsiebu jitlob il-leave tal-adozzjoni għandu javża lill-prinċipal bil-miktub bid-data ta’ meta jkun ser jibda dan il-leave. In-notifika msemmija għandha tinkludi dikjarazzjoni bil-miktub maħruġa mill-aġenzija akkreditata tal-adozzjoni tal-impjegat li tiċċertifika li ġiet appuntata data għas-smigħ dwar il-każ tal-adozzjoni fil-qorti tal-pajjiż tal-oriġini. Din in-notifika għandha tingħata lill-prinċipal mill-inqas ġimgħatejn qabel jibda l-leave tal-adozzjoni, sakemm dan ikun raġonevolment prattikabbli.
Għall-aktar informazzjoni żur hawn.