Bil-liġi, impjegata tqila hija intitolata għal leave tal-maternità. Fil-każ ta' impjegata li hi tqila, jew qed tredda’ jew welldet reċentement, u li tista’ tkun esposta għal riskju fuq ix-xogħol li tista' tipperikola s-saħħa u s-sigurtà tagħha u / jew it-tqala /il-wild, dik l-impjegata hija intitolata għal leave speċjali tal-maternità sakemm ir-riskju jkun eżistenti.
Impjegata hija intitolata wkoll għal ħin frank mingħajr telf ta' paga jew xi benefiċċju ieħor, sabiex tattendi għal eżamijiet mediċi ta’ qabel it-twelid, jekk dawn l-eżamijiet isiru matul is-sigħat tax-xogħol tagħha.
Impjegata tqila tista' tagħmel użu minn leave tal-maternità għal perjodu mhux interrott ta' erbatax (14)-il ġimgħa bi ħlas sħiħ. Mill-2012, il-leave tal-maternità ġie estiż għal sittax-il ġimgħa u mill-2013, dan ser jiġi estiż għal tmintax -il ġimgħa. Madankollu impjegata li qiegħda fuq leave tal-maternità li tagħżel li tagħmel użu minn xi leave tal-maternità addizzjonali li jkun aktar minn erbatax-il ġimgħa, il-prinċipal m’għandux ikun obbligat li jħallas paga għal dawk il-ġimgħat ta’ leave tal-maternità li jkunu aktar mill-imsemmija erbatax-il ġimgħa, mingħajr preġudizzju għal kull benefiċċju relevanti fir-rigward ta’ xi perjodu ta’ leave tal-maternità li jkun aktar minn erbatax-il ġimgħa skont
l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali li l-impjegata tista’ tkun intitolata għalih jekk tagħżel li tagħmel użu mil-leave tal-maternità li jkun aktar mill-erbatax-il ġimgħa imħallsin.
L-impjegata għandha tinnotifika lill-prinċipal bil-miktub dwar id-data ta’ meta għandha l-intenzjoni li tagħmel użu mit-tali dritt tal-inqas erba' ġimgħat qabel il-bidu tiegħu, sa fejn ikun raġonevolment prattikabbli. L-impjegata hija marbuta li tagħmel minn (6) ġimgħat tal-intitolament totali immedjatament wara d-data tal-ħlas. Erba' (4) ġimgħat oħra għandhom jittieħdu immedjatament qabel id-data mistennija tal-ħlas, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor bejn il-prinċipal u l-impjegat. Il-bilanċ tal-intitolament li jifdal, jista’ jittieħed f’daqqa jew f’parti, immedjatament qabel jew immedjatament wara l-perijodi msemmija qabel, skont kif tiddeċiedi l-impjegata.
Mat-tmiem tal-leave tal-maternità, l-impjegata għandha d-dritt terġa’ tibda taħdem fil-post li kienet tokkupa qabel il-bidu tal-leave tal-maternità u jekk it-tali post ma jibqax disponibbli, tirriżumi f’post relatat.