Prinċipal ma jistax jagħmel tnaqqis mill-paga tal-impjegat ħlief meta dan ikun permess mil-liġi jew b'ordni ta’ qorti kompetenti.
Jekk il-prinċipal ma jippermettix li l-impjegat jaħdem is-sigħat kollha fil-ġimgħa, l-impjegat għandu d-dritt li jitħallas il-paga tiegħu fil-ġimgħa sħiħa, kif miftiehem fil-kuntratt tal-impieg.
Jekk impjegat jonqos milli jaħdem l-għadd totali ta' sigħat fil-ġimgħa kif miftiehem fil-kuntratt ta' servizz, il-prinċipal jista' jnaqqas mill-paga totali dovuta lill-impjegat dik il-parti li tikkorrispondi mas-sigħat mitlufa biss.
Sakemm ma jkunx miftiehem fi ftehim kollettiv jew speċifikat fil-kuntratt tal-impieg jew f’dikjarazzjoni bil-miktub u awtorizzata mid-Direttur tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg, il-prinċipal ma jistax jimponi multi fuq l-impjegati tiegħu u li jitnaqqsu mill-paga tal-impjegat.
Sospensjoni bla paga jew bi ħlas imnaqqas huwa kkunsidrat bħala multa u huwa permess biss jekk huwa miftiehem fil-ftehim kollettiv jew b’awtorizzazzjoni li tkun ingħatat minn qabel mid-Direttur tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg.
Jekk impjegat ibiddel minn xogħol part-time għal xogħol full-time jew viċe-versa, u l-istess dmirijiet jitkomplew, ir-rata tal-paga m'għandhiex titnaqqas. Iżda, jekk ikun hemm qbil li d-dmirijiet relatati ġew mibdula, jistgħu japplikaw kondizzjonijiet ġodda inklużi rati differenti ta' paga.