Fis-setturi kollha kemm jekk koperti b’Ordni tal-Kunsill tal-Pagi biex jirregola l-Pagi u kemm jekk mhumiex, il-prinċipal jista’ jintroduċi skemi għall-banking ta’ sigħat, fejn sa massimu ta’ 376 siegħa ta’ xogħol annwali normali f’ kull sena kalendarja jistgħu jiġu banked, u b’hekk ikun permess li jinħadmu sigħat żejda minbarra s-sigħat ta’ xogħol normali f’ġimgħa f’perjodi ta’ attività ta’ xogħol aktar intensiva illi jiġu mifdija f’perjodi ta’ attività ta’ xogħol anqas intensiva billi jkun hemm sigħat ta’ xogħol anqas mis-sigħat normali ta’ xogħol fil-ġimgħa. Madankollu, il-medja tal-ħin ta’ xogħol f’ġimgħa, inkluż is-sahra, m’għandiex taqbeż il-medja ta’ 48 siegħa fuq il-perjodu ta’ referenza applikabbli f’termini tar-Regolamenti dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol, sakemm l-impjegat ikkonċernat ma jkunx ta l-kunsens tiegħu bil-miktub biex jaħdem aktar minn medja ta’ 48 siegħa.
Is-sigħat ta’ xogħol li jistgħu jiġu banked għandhom ikunu limitati għal dawk is-sigħat f’kull ġurnata fil-ġimgħa li jattiraw ir-rata normali ta’ pagament fis-siegħa. Bl-istess mod, kull siegħa ta’ xogħol li tkun giet banked biex tkun tista’ tiġi utilizzata f’ġimgħat ta’ attività ta’ xogħol anqas intensiva għandhom jiġu utilizzati hekk biss f’ġurnata ta’ xogħol fil-ġimgħa fejn is-sigħat tax-xogħol jitħallsu b’rata normali. Barra minn hekk, il-partijiet jistgħu jaqblu li jinkludu wkoll sigħat li jattiraw rata speċjali ta’ ħlas u f’dan ir-rigward is-sigħat li jridu jiġu banked għandhom jirriflettu t-tali rata speċjali ta’ ħlas fis-siegħa.
Impjegati Part-time u impjegati Whole-time b’sigħat imnaqqsa
Impjegati Part-time u impjegati Whole-time b’sigħat imnaqqsa m’għandhomx ikunu obbligati jipparteċipaw fi skema ta’ banking ta’ sigħat u m’għandhom isofru l-ebda detriment mill-prinċipal jekk ma jaqblux illi jipparteċipaw f’tali skema.
Qabel tiġi introdotta skema ta’ banking ta’ sigħat, ikun meħtieġ li tinkiseb l-awtorizazzjoni mid-Dipartiment tal-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER). Fl-awtroizazzjoni tiegħu, id-DIER jista’ jimponi kwalunkwe kundizzjoni li jaħseb li tkun neċessarja.
Kwalunkwe skema ta’ banking ta’ sigħat għandha tkun konformi ma’ dan li ġej:
► L-impjegat jingħata avviż bil-miktub minn qabel tan-numru ta’ sigħat u r-roster li trid tinħadem fl-erba’ ġimgħat li jkun imiss skont l-iskema tal-banking ta’ sigħat;
► Il-prinċipal għandu jkollu l-possibilità li jbiddel is-sigħat fil-ġimgħa li jridu jinħadmu fil-ġimgha li jkun imiss sakemm jingħata avviż bl-miktub f’dan is-sens mill-anqas ġimgħa qabel din il-bidla;
► Il-paga bażika fil-ġimgħa għandha tibqa’ kostanti matul is-sena kollha;
► F’każijiet fejn il-kuntratt tal-impjieg jiġi mitmum għal xi raġuni:
• qabel mas-sigħat banked jiġu mifdija, dawk is-sigħat banked li jkun fadal għandhom jitħallsu skont ir-rata ta’ sahra applikabbli fis-seħħ fid-data tat-terminazzjoni, sad-data tal-ġurnata tal-ħlas tal-paga li jkun imiss. Fil-każ ta’ impjegati part-time jew whole-time bis-sigħat imnaqqsa li jkunu qed jipparteċipaw, kull siegħa banked għandha titħallas biss bir-rata ta’ sahra applikabbli jekk it-total ta’ sigħat maħduma minn dawk l-impjegati meta titqies il-medja, jaqbeż is-sigħat normali tax-xogħol ta’ impjegat whole-time komparabbli.
• fejn jinħadmu sigħat anqas mill-medja ta’ sigħat fis-sena, il-prinċipal m’għandux ikun intitolat jitlob li jiġu rkuprati s-sigħat li ma kinux attwalment inħadmu;
► l-impjegat jista’ jinħtieġ illi jaħdem iżjed mis-sigħat tax-xogħol skedati f’ġurnata partikolari, tali sigħat żejda għandhom jiġu mħallsa bir-rati ta’ sahra skont ir-rati ta’ sahra applikabbli;
► Jekk fl-aħħar tas-sena kalendarja jkun jifdal sigħat banked li ma jkunux ġew mifdija, dawk is-sigħat għandhom jitħallsu bir-rata ta’ sahra applikabbli sakemm il-prinċipal u l-impjegat ma jkunux qablu bil-miktub li jittrasferixxu sa massimu ta’ 160 banked għas-sena kalendarja ta’ wara. Dawk is-sigħat banked ittrasferiti mis-sena preċedenti għandhom jintużaw l-ewwel u m’għandhomx jerġgħu jiġu trasferiti
Vacation leave u leave għal mard
Fir-rigward tal-kalkolu ta’ sigħat illi jiġu mnaqqsa mid-dritt tal-leave annwali u tal-leave għall-mard meta dawn jittieħdu mill-impjegat, is-sigħat ta’ xogħol li jridu jiġu mnaqqsa minn dak id-dritt annwali għandu jkun in-numru ta’ sigħat li kienu skedati biex jinħadmu mill-impjegat skont l-iskeda maħruġa mill-prinċipal.
Leave għall-Maternità u Leave ieħor
Meta impjegata li qed tipparteċipa fi skema għall-banking ta’ sigħat tieħu leave tal-maternità jew leave ieħor bi ħlas mhux imsemmi hawn fuq, dik l-impjegata għandha tirċievi l-pagi normali li jridu jitħallsu fir-rigward ta’ dak il-leave tal-maternità jew ta’ xi leave ieħor, skont il-każ. Impjegata fuq tali leave għandha titqies li ħadmet l-istess numru ta’ sigħat li kienu skedati li jinħadmu skont dik l-iskema kemm jekk dawn is-sigħat ikunu aktar jew anqas is-sigħat normali li normalment jinħadmu barra l-iskema. Tali sigħat banked għandhom jiġu kkunsidrati illi ġew ikkreditati jew debitati, skont il-każ, u għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet kollha, bl-istess mod bħal mhu applikabbli għal sigħat simili illi ġew ikkreditati jew debitati minn impjegati oħra li qed jipparteċipaw f’dik l-iskema.
Meta impjegat li qed jipparteċipa fi skema għall-banking ta’ sigħat qiegħed fuq leave bla ħlas, huwa għandu jitqies li ħadem l-istess numru ta’ sigħat skedati biex jinħadmu skont dik l-iskema kemm jekk dawn is-sigħat ikunu aktar jew anqas is-sigħat normali li normalment jinħadmu barra l-iskema. Tali sigħat banked għandhom jiġu kkunsidrati li ġew ikkreditat jew debitati, skont il-każ, u għandhom jiġu kunsidrati għall-finijiet bl-istess mod li japplika għal sigħat simili li ġew ikkreditati jew debitati minn impjegati oħra li qed jipparteċipaw f’dik l-iskema.