Impieg Part-Time

Impieg Part-Time


Min hu kunsidrat Impjegat Part-Time?

Impjegat part-time huwa impjegat li s-sigħat normali tax-xogħol tiegħu, ikkalkulati fuq bażi ta’ ġimgħa jew fuq medja ta’ perjodu ta’ impieg sa sena, huma inqas mis-sigħat normali tax-xogħol ta’ impjegat whole-time komparabbli u li mhux impjegat whole-time b'sigħat imnaqqsa.

F’dan ir-rigward, il-prinċipal għandu jassigura li l-ammont totali ta’ sigħat maħduma minn impjegat part-time fuq perjodu ta’ sena, ma jilħaqx jew jaqbeż l-ammont totali ta’ sigħat normali (eskluża s-sahra) maħduma minn impjegat whole-time komparabbli fuq l-istess perjodu ta’ sena.

Jekk l-ammont totali ta’ sigħat maħduma minn impjegat part-time ilaħħaq jew jaqbeż dak ta’ impjegat whole-time komparabbli, dak l-impjegat minn hemm ‘il quddiem jiġi kkunsidrat bħala impjegat whole-time.
 

Benefiċċji pro-rata għal impjegati Part-time

L-impjegati part-time kollha, irrispettivament jekk l-impieg tagħhom huwiex ix-xogħol prinċipali tagħhom jew le għandhom igawdu l-benefiċċji kollha li impjegati full-time huma intitolati għalihom, fuq bażi pro-rata kkalkulati fuq is-sigħat fil-ġimgħa maħduma. Il-benefiċċji pro-rata jinkludu l-bonus statutorju u l-allowance fil-ġimgħa, il-festi pubbliċi kollha, leave għal vaganza, leave għall-mard, leave għat-twelid, leave minħabba luttu, leave għaż-żwieġ, leave għal korriment fuq xogħol u kull leave ieħor provdut bil-liġi.

 
Kif jiġi ikkalkulat benefiċċju fuq bażi pro-rata
 
Il-pro-rata hi kkalkulata bħala n-numru ta’ sigħat fil-ġimgħa maħduma mill-impjegat part-time bħala proporzjon tan-numru ta’ sigħat normali tax-xogħol fil-ġimgħa maħduma minn impjegat full-time li jagħmel l-istess xogħol.


Eżempju

Il-leave għal vaganza ta’ impjegat full-time li jaħdem 40 siegħa fil-ġimgħa hu ta’ 208 siegħa. Jekk impjegat part-time jaħdem 25 siegħa fil-ġimgħa, il-benefiċċju ta’ leave għal vaganza fuq bażi pro-rata hu ta’ 25/40 x 208 siegħa = 130 siegħa.
 
F’każ li s-sigħat tax-xogħol fil-ġimgħa ta’ impjegat part-time huma irregolari, il-pro-rata tiġi kkalkulata fuq  il-medja ta’ xogħol li ħadem fuq perjodi ta’ 13-il ġimgħa. (Kull tliet xhur:- Jannar sa Marzu; April sa Ġunju; Lulju sa Settembru; Ottubru sa Diċembru.)

​Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar fl-10/04/2019,

 

DETTALJI TA' KUNTATT:

 Isem tal-Kuntatt

Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg,
121, Triq Melita,
Valletta - Malta,
VLT 1121
Ara l-mappa
 Telefon
1575 Għall-Ħaddiema
1576 Għal Min Iħaddem
 Email