Sigħat Normali tax-Xogħol

Sigħat Normali tax-Xogħol


​Is-sigħat normali tax-xogħol f’impieg full-time u s-sigħat massimi f’impieg part-time ivarjaw skont is-settur tal-industrija rilevanti. Dawn huma stabbiliti fl-Ordnijiet li Jirregolaw il-Pagi tas-setturi skont l-attività partikolari tagħhom (ara wkoll A.L. 247 tal-2003 – Regolamenti dwar Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol). 

Normalment, is-sigħat normali tax-xogħol (bl-esklużjoni tas-sahra) ikunu bbażati fuq 40 siegħa f'ġimgħa. Madankollu, f'ċertu każijiet jista' jkun stabbilit fil-liġi, is-sigħat normali tax-xogħol ikunu aktar, iżda ma jeċċedux il-massimu ta’ medja ta' 48 siegħa f’ġimgħa mifruxa fuq perjodu ta’ referenza ta 17-il ġimgħa. F’ċertu setturi, bħall-manifattura jew is-settur turistiku, il-perjodu ta’ referenza huwa ta’ sena.

​Il-prinċipal jista’ jitlob lill-impjegat biex jaħdem aktar mill-medja ta’ 48 siegħa. Madankollu f’dan il-każ, ikun hemm bżonn il-kunsens bil-miktub tal-impjegat ikkonċernat. Jekk l-impjegat ma jagħtix dan il-kunsens, il-prinċipal ma jistax jisforza jew jivvitimizza lit-tali impjegat bħala konsegwenza għal dan ir-rifjut. Minn naħa l-oħra, jekk jingħata l-kunsens, il-prinċipal irid jiżgura li l-impjegat jingħata l-ħinijiet u l-ġranet ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa hekk kif stabbilit fil-liġi.
 
Jekk l-impjegat jikkonsenti li jaħdem għal aktar minn medja ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa, l-impjegat jista’ jitlob biex dan il-kunsens jiġi rtirat. Dan jista’ jsir premezz ta’ pre-avviż bil-miktub li jingħata lill-prinċipal. Dan il-pre-avviż għandu jingħata mhux inqas minn sebgħat ijiem qabel l-irtirar tal-kunsens, jew f’każ ta’ perjodi itwal li ma jaqbżux it-tliet xhur, skont ma jiġi miftiehem bejn iż-żewġ partijiet.
 
Jekk impjegat ma jagħtix il-kunsens tiegħu li jaħdem għal aktar minn medja ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa, il-ħinijiet massimi ta’ xogħol li jinkludu s-sahra m’għandhomx jaqbżu it-tali medja meta kkalkulata fuq perjodu ta’ referenza, normalment ta’ 17-il ġimgħa. Huwa importanti li jkun iċċarat li jekk impjegat li normalment jaħdem ġimgħa ta’ 40 siegħa jkun mitlub biex jaħdem is-sahra, it-tali sahra tista’ tkun aktar minn 8 sigħat f’ġimgħa partikolari, sakemm il-provvedimenti fil-liġi dwar il-ħinijiet u l-ġranet ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa jkunu osservati.

​Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar fl-12/05/2020.

DETTALJI TA' KUNTATT:

 Isem tal-Kuntatt

Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg,
121, Triq Melita,
Valletta - Malta,
VLT 1121
Ara l-mappa
 Telefon
1575 Għall-Ħaddiema
1576 Għal Min Iħaddem

 Email