Ftehim bil-miktub
Meta t-telework ikun miftiehem bħala kundizzjoni tal-impieg fil-kuntratt tal-impieg
Il-kundizzjonijiet tal-impieg relatati mat-telework stabbiliti fil-kuntratt tal-impieg m’għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk stabbiliti fl-A.L. 312 tal-2008.
Meta t-telework ma jkunx speċifikat fil-kuntratt tal-impieg iżda jibda jseħħ matul ir-relazzjoni tal-impieg
L-impjegat huwa liberu li jaċċetta jew jiċħad offerta għat-telework. Fejn impjegat jiċħad offerta tal-prinċipal għat-telework tali ċaħda ma tikkostitwixxix kawża ġusta u suffiċjenti għat-tmiem tal-impieg u lanqas twassal għal bidla fil-kundizzjonijiet tal-impieg tal-impjegat konċernat. Madankollu jekk impjegat jesprimi x-xewqa li jagħżel it-telework, il-prinċipal jista’ jaċċetta jew jiċħad din it-talba.
Il-bidla għat-telework
Il-bidla għat-telework ma jkollha ebda effett fuq l-istatus tal-impieg tal-impjegat u lanqas fuq id-dritt tiegħu biex jerġa’ lura għall-post tiegħu ta’ qabel jew, f’każ li dan ma jkunx possibbli, għal post ieħor simili.
It-tmiem ta’ arranġament tat-telework
Meta ż-żewġ partijiet jaqblu għal arranġament tat-telework, kull parti għandu jkollha d-dritt li ttemm dak il-ftehim tat-telework u l-impjegat għandu jmur lura għall-post tiegħu ta’ qabel it-telework sakemm il-parti li tkun ser ittemm il-ftehim tagħti pre-avviż bil-miktub kif stipulat fl-A.L. 312 tal-2008. Jekk id-deċiżjoni biex jintemm il-ftehim tat-telework tittieħed mill-impjegat, dik id-deċiżjoni m’għandiex tikkostitwixxi kawża ġusta u suffiċjenti għat-tmiem tal-impieg, lanqas m’għandha twassal għall-bidla fil-kundizzjonijiet tal-impieg tal-impjegat ikkonċernat.
Taħriġ
Teleworkers għandhom l-istess aċċess u drittijiet biex jipparteċipaw f’taħriġ u programmi ta’ żvilupp tal-karrieri provduti minn jew f’isem il-prinċipal bl-istess mod bħal impjegati komparabbli fil-bini tal-prinċipal u jkunu soġġetti għall-istess politika ta’ evalwazzjoni bħal impjegati komparabbli.
Privatezza tat-Teleworker
Filwaqt li l-prinċipal għandu jirrispetta l-privatezza tat-teleworker, tista’ tiġi installata kull tip ta’ sistema ta’ monitoraġġ wara qbil bil-miktub bejn il-prinċipal u t-teleworker.
Tali sistema ta’ monitoraġġ trid tkun proporzjonata mal-oġġettiv u għandha tirrispetta l-obbligi tad-Direttiva tal-Kunsill 90/270 fuq ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà għal xogħol b’tagħmir ta’ screens tal-wiri.
Spejjeż għat-tagħmir u l-komunikazzjoni
Sakemm ma jkunx sar ftehim xort’oħra bejn il-prinċipal u t-teleworker fil-ftehim bil-miktub dwar it-telework, il-prinċipal ikun responsabbli biex jipprovdi, jinstalla u jagħmel manutenzjoni tat-tagħmir meħtieġ għall-eżekuzzjoni tat-telework u biex jipprovdi lit-teleworker faċilità xierqa ta’ appoġġ tekniku. Madankollu t-teleworker ikollu dmir li jieħu ħsieb b’mod xieraq it-tagħmir u d-data provduti mill-prinċipal u m’għandux jiġbor jew iqassam materjal illegali permezz tal-internet.
Organizzazzjoni tax-xogħol
Bla ħsara għal dak li jkun inkluż fil-ftehim bil-miktub dwar it-telework, it-teleworker għandu jkun responsabbli għall-amministrazzjoni tal-ħin tax-xogħol tiegħu. L-ammont tax-xogħol u l-istandards tal-eżekuzzjoni tat-teleworker għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk ta’ impjegati komparabbli li jaħdmu fil-bini tal-prinċipal. Il-prinċipal għandu jagħti l-opportunità lit-teleworker biex jiltaqa’ mal-kollegi u jkollu aċċess għal informazzjoni relatata max-xogħol tiegħu sabiex jipprevjeni li t-teleworker jiġi iżolat.
Protezzjoni tad-Data
Il-prinċipal għandu jinforma lit-teleworker bid-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data u għandu jieħu l-miżuri adatti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ software, biex jiżgura l-protezzjoni ta’ data wżata u pproċessata mit-teleworker fil-qadi ta’ dmirijietu. Madankollu t-teleworker għandu jimxi mad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data, u mal-miżuri li jittieħdu mill-prinċipal skont l-Ordni ta’ Standard Nazzjonali dwar it-Telework.
Drittijiet kollettivi