Xogħol ta’ billejl huwa ħin tax-xogħol li jinkludi aktar minn 50% tal-ħin tax-xogħol annwali bejn l-10pm u s-6am, jew tal-anqas tliet sigħat mill-ħin tax-xogħol ta’ ġurnata bħala ħidma normali matul il-lejl (bejn l-10pm u s-6am). Is-sigħat normali li impjegat ta’ billejl jista’ jaħdem m’għandhomx ikunu aktar minn tmienja (8) f’perjodu ta’ 24 siegħa. Il-perjodi ta’ referenza li japplikaw fil-każ ta’ ħaddiem ta’ billejl għandhom ikunu definiti fil-ftehim kollettiv, jew f’kull każ ieħor minn kull perjodu ta’ 17-il ġimgħa matul l-impieg.
Jekk il-valutazzjoni tar-riskju illi l-prinċipal hu obbligat li jagħmel turi perikli speċjali, apparti li l-prinċipal hu obbligat li jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura li l-impjegat ikkonċernat jgħaddi minn eżami li jiddetermina l-istat tas-saħħa tiegħu, is-sigħat ta’ xogħol tal-impjegat inkluż is-sigħat ta’ billejl, m’għandhomx jaqbżu tmien (8) sigħat ta’ xogħol f’perjodu ta’ 24 siegħa.
Jekk persuna medika rreġistrata tinforma lill-prinċipal illi l-impjegat qed ibati minn xi kundizzjoni ta’ saħħa konnessa max-xogħol ta’ billejl, il-prinċipal għandu, safejn hu possibbli, jittrasferixxi lill-impjegat għal xogħol aktar adattat matul il-ġurnata.