Meta impjegat itemm l-impjieg tiegħu waqt li jkun fi żmien ta’ prova, għandu jingħata avviż ta’ ġimgħa. Dan japplika jekk iż-żmien fl-impjieg kien ta’ aktar minn xahar.
L-avviż ta’ tmiem tal-impieg jingħata f’każ ta’ kuntratti indefiniti li jkunu għaddew iż-żmien ta’ prova. Dan l-avviż irid jingħata jew mill-impjegat, jekk ikun ser itemm l-impjieg, jew mill-prinċipal f’każ ta’ sensja.
Il-perjodu tal-avviż jiġi kkalkolat skont kemm l-impjegat kien ilu jaħdem mal-prinċipal b’mod kontinwu kif spjegat hawn taht:
Għal iżjed minn xahar iżda mhux iżjed minn sitt xhur- ġimgħa;
Għal iżjed minn sitt xhur iżda mhux iżjed minn sentejn- ġimgħatejn;
Għal iżjed minn sentejn iżda mhux iżjed minn erba’ snin- erba’ ġimgħat;
Għal iżjed minn erba’ snin iżda mhux iżjed minn seba’ snin- tmien ġimgħat;
Għal iżjed minn seba’ snin, ġimgħa waħda addizzjonali għal kull sena jew parti minnha sussegwenti ta’ servizz sa massimu ta’ tnax-il ġimgħa;
Jew dawk iż-żminijiet itwal kif jista’ jiġi miftiehem bejn il-prinċipal u l-impjegat fil-każ ta’ karigi tekniċi, amministrattivi, eżekuttivi jew ta’ direzzjoni
F’każ ta’ impjiegi tekniċi, amministrattivi, eżekuttivi u maniġerjali, perjodi itwal ta’ avviż jistgħu jiġu miftehmin bejn min iħaddem u l-impjegat jekk il-paga ma tkunx anqas mid-doppju tal-paga minima.