X’jikkostitwixxi sensja kollettiva?
Hija it-terminazzjoni tal-impieg minn prinċipal għal raġunijiet ta’ għadd żejjed ta’ impjegati, fuq perjodu ta’ tletin ġurnata, ta’:
» 10 impjegati jew aktar fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw minn 20 impjegat sa 99 impjegat;
» 10% jew aktar tan-numru tal-impjegati fi stabbilimenti li jimpjegaw minn 100 impjegat sa 299 impjegat; u
» 30 impjegat jew aktar fi stabbilimenti li jimpjegaw 300 impjegat jew aktar
Is-sensji kollettivi huma regolati bl-Avviż Legali 428 tal-2002; ir-Regolamenti dwar Sensji Kollettivi (Ħarsien tal-Impiegi)
Konsultazzjoni mar-Rappreżentanti tal-Impjegati
Il-prinċipal li jkun qed jipproponi li jiddikjara sensja kollettiva huwa obbligat li jinnotifika bil-miktub lir-rappreżentanti tal-impjegati, kif ukoll jgħaddi kopja lid-Direttur tal-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali dwar it-tali intenzjoni filwaqt li jagħti opportunità ta’ konsultazzjoni lir-rappreżentanti msemmija. Tali konsultazzjonijiet bejn il-prinċipal u r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom jibdew fi żmien sebat ijiem tax-xogħol mill-ġurnata tan-notifika u huma intiżi sabiex ikopru kif jista’ jiġu evitati s-sensji kollettivi jew it-tnaqqis tan-numru ta’ impjegati milqutin minn tali sensji u biex jimmitigaw il-konsegwenzi tagħhom.
Informazzjoni lir-Rappreżentanti tal-Impjegati
Fi żmien il-perjodu ta’ sebat ijiem imsemmi hawn fuq il-prinċipal għandu l-obbligu li jgħaddi lir-rappreżentanti tal-impjegati dikjarazzjoni bil-miktub, kif ukoll jgħaddi kopja lid-Direttur tal-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali li tipprovdi:
» Ir-raġunijiet għas-sensji
» In-numru ta’ impjegati li bi ħsiebu jagħtihom is-sensja
» In-numru ta’ impjegati li normalment jimpjega
» Il-kriterji proposti għall-għażla tal-impjegati li ser jiġu ssensjati
» Id-dettalji dwar xi kumpens dovut għal temm tal-kuntratt tas-servizz
» Il-perjodu li matulu ser jingħataw is-sensji
Meta s-sensji jibdew joperaw
L-avviż tas-sensja jista’ jibda jopera mid-data li fiha jibdew il-konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Madankollu l-prinċipal ma jistax itemm l-impjieg tal-impjegati milquta bi kwalunkwe sensja kollettiva ppjanata u notifikata lid-Direttur tal-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali qabel jgħaddu tletin ġurnata min-notifika msemmija. F’ċirkostanzi eċċezzjonali madankollu, id-Direttur jista’ jippermetti li l-prinċipal jagħti perjodu iqsar ta’ notifika. Id-Direttur jista’ wkoll jestendi l-perjodu msemmi b’perjodu ieħor ta’ tletin ġurnata jekk jinħass li t-tali estensjoni toffri opportunità ulterjuri għas-soluzzjoni tar-raġunijiet tas-sensji jew għall-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet għall-benefiċċju tal-impjegati li jkunu qed jiġu ddikjarati żejda. Il-prinċipal għandu jkun informat b’tali estensjoni b’avviż bil-miktub li għandu jirċevieh qabel ma jiskadi l-perjodu inizjali.
Reati
Kull min jikser id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti jkun ħati ta’ reat u jeħel, meta jinstab ħati, multa ta’ mhux inqas minn €1,164.69 għal kull impjegat li jkun iddikjarat żejjed.