Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg jadotta approċċ proattiv sabiex isolvi t-tilwim industriajli. L-Uffiċjali tad-dipartiment jagħmlu kull sforz possibbli biex jirrimedjaw u jirrikonċiljaw litiganti, sabiex iwassluhom isibu soluzzjonijiet amikevoli u b’hekk jevitaw strikes jew forom oħra ta' azzjonijiet industrijali.
Definizzjoni ta’ Tilwima Industrijali
Tilwima Industrijali tfisser tilwima bejn prinċipali u ħaddiema, jew bejn ħaddiema u ħaddiema, li jkollha x’taqsam ma’ xi waħda jew aktar mill-oqsma li ġejjin:
(a) pattijiet u kundizzjonijiet tal-impieg, jew il-kundizzjonijiet fiżiċi li taħthom xi ħaddiema jkunu meħtieġa jaħdmu;
(b) l-impjegar jew in-nuqqas li jkun impjegat, jew it-tmiem jew is-sospensjoni ta’ impieg jew ta’ dmirijiet tal-impieg, ta’ ħaddiem wieħed jew aktar;
(ċ) allokazzjoni ta’ xogħol jew ta’ dmirijiet tal-impieg bejn il-ħaddiema jew gruppi ta’ ħaddiema;
(d) materji ta’ dixxiplina;
(e) faċilitajiet għal uffiċjali ta’ trade unions;
(f) mekkaniżmu għal negozjati jew konsultazzjonijiet, u proċeduri oħra, dwar xi waħda mill-ħwejjeġ imsemmija qabel, inkluż ir-rikonoxximent minn prinċipali jew assoċjazzjonijiet ta’ prinċipali tad-dritt ta’ trade union li tirrappreżenta ħaddiema f’xi negozjati jew konsultazzjonijiet bħal dawk jew fit-twettiq ta’ dawk il-proċeduri;
(g) is-sħubija jew le ta’ ħaddiem fi trade union partikolari.
Proċedura segwita f'każ ta' tilwima industrijali
Meta jkun hemm jew ikun hemm il-biża’ li se jkun hemm tilwima ta’ xogħol, il-partijiet jistgħu jiftiehmu li jirreferu t-tilwima lid-Direttur għall-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali jew lil konċiljatur li jista’ jintgħażel mill-istess partijiet fit-tilwima, bi ftehim bejniethom jew, jekk ma jkunx hemm tali ftehim, mid-Direttur minn fost il-Panel ta’ Konċiljazzjoni stabbilit skont l-Att dwar dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali.
Meta jkun hemm jew ikun hemm il-biża’ li se jkun hemm tilwima ta’ xogħol, u l-partijiet jonqsu milli jinnominaw jew jaqblu dwar il-ħatra ta’ konċiljatur skont is-subartikolu (1), jew meta l-konċiljatur maħtur jirrapporta falliment fil-konċiljazzjoni, id-Direttur għall-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali jirreferi l-kwistjoni lill-Ministru responsabbli mill-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali u jagħti kopja ta’ dik ir-referta lill-partijiet fit-tilwima. Il-Ministru jista’, jekk jidhirlu xieraq, jaħtar qorti ta’ inkjesta biex tistħarreġ u tistabbilixxi r-raġunijiet u ċ-ċirkostanzi tat-tilwima. Huwa wkoll jista’ fuq l-applikazzjoni taż-żewġ partijiet fit-tilwima, jirriferi dik it-tilwima lit-Tribunal Industrijali.