Applikazzjoni għal Liċenzja ta' Aġenzija tal-Impieg

Applikazzjoni għal Liċenzja ta' Aġenzija tal-Impieg


Biex tingħata Liċenzja ta’ Aġenzija tal-Impjieg, jekk jogħġbok​ aqra dan li ġej:

Qabel tapplika għal liċenzja, jekk jogħgbok ikkuntattja l-uffiċjal tal-aġenzija tal-impjieg, billi ċċempel fuq 2397 5229  jew ibgħat imejl fuq: employmentagencies.registry@gov.mt​.​ 

1. Ippubblika “Avviż ta' Intenzjoni​” għal jum wieħed biss, f'żewġ gazzetti ta' kuljum differenti. Kopja oħra tal-“Avviż ta' Intenzjoni” għandha tiġi esposta għall-pubbliku f’post prominenti fejn ser isir in-negozju. L-“Avviż ta' Intenzjoni” irid jiġi espost għal mhux inqas minn wieħed u għoxrin jum qabel ma ssir l-applikazzjoni. L-“Avviż ta' Intenzjoni” għandu jispeċifika l-isem, in-numru tal-karta tal-identità u l-indirizz tal-applikant. Jekk l-applikant ikun Kumpanija jew Joint Venture irid jinkludi n-Numru/i tal-Kumpanija, l-Isem/Ismijiet tal-Kumpanija, l-indirizz irreġistrat u l-indirizz ta’ minn fejn ser jopera. F’każ ta’ applikazzjoni bħala Partnership, ikunu meħtieġa l-ismijiet, in-numri tal-karta tal-identità u l-indirizzi ta’ kull sieħeb kif ukoll l-indirizz tal-post minn fejn ser joperaw l-aġenzija tal-impjieg. Huwa importanti li l-Avviż ta’ Intenzjoni ppublikat jindika li huwa skont it-Taqsima 23 tal-Att dwar is-Servizzi ta’ Impjieg u Taħriġ​ tal-1990 (Att XXVIII tal-1990​).

Irid jindika wkoll il-klassi tal-attivitajiet li ser jitwettqu bħal:

Servizzi ta’ Konsulenza għar-Reklutaġġ;

Intervisti, għażla u tqegħid tal-kandidati fil-post tax-xogħol;

Reklutaġġ ta’ persuni barra minn Malta għall-impieg f’Malta jew fi Stat Membru tal-Unjoni Europea;

Reklutaġġ ta’ persuni f’Malta għal impjieg f’Malta jew fi Stat Membru tal-Unjoni Europea;

Ħruġ ta' reklami għal postijiet vakanti;

Żamma ta’ reġistru tal-applikanti li qed ifittxu impjieg.

2. Il-Persuna Kompetenti (il-persuna li ser tmexxi l-Aġenzija tal-Impieg) għandha:

a) tkun ta’ età ta’ mhux inqas minn ħamsa u għoxrin sena;

b) tkun ta' karattru morali tajjeb; u

c) jkollha mhux inqas minn sitt snin esperjenza f'attività li tinkludi l-ġestjoni tar-riżorsi umani, jew 

d) mhux inqas minn tliet snin esperjenza f’attività li tinkludi l-ġestjoni tar-riżorsi umani u tkun fil-pussess ta' grad universitarju jew diploma f'qasam li fil-fehma tad-Direttur, ikun rilevanti għall-ġestjoni tal-aġenzija tal-impieg jew tan-negozju tal-impjieg.

3. Dikjarazzjoni​ ​ffirmata​ li l-uffiċċju li ser topera minnu:

huwa aċċessibbli għall-persuni bi bżonnijiet speċjali (jekk il-post mhux aċċessibbli, indika fejn ser isiru l-intervisti għal dawn il-persuni);

jinkludi kamra fejn jistennew l-applikanti għall-intervista;

jinkludi k​amra fejn isiru l-intervisti `l bogħod mill-kandidati l-oħra.

(Din id-Dikjarazzjoni trid tinkludi l-firma oriġinali tal-Persuna Kompetenti/Direttur u għandha tinkludi l-Intestatura (Letter Head) tiegħek).

4. Il-formola tal-applikazzjoni trid timtela’ wara wieħed u għoxrin ġurnata (21) mill-aħħar pubblikazzjoni tal-Avviż ta' Intenzjoni.

5. Huwa importanti li turi l-Isem u n-Numru tal-Aġenzija tal-Impjieg tiegħek fuq is-sit elettroniku tiegħek (E.A. ###-sena) b’mod speċjali fil-paġna tar-reklutaġġ. Dawn iridu jiġu kkwotati f’kull korrispondenza li tagħmel mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg. Jekk jogħġbok, ibgħatilna wkoll il-links kollha għas-sit elettroniku tiegħek.


6. B’referenza għall-formola tal-applikazzjoni “Punt 9 Metodu ta’ finanzjament tas-servizzi” importanti li tagħmilha ċara li “l-ebda ħlas mhu ser jinġabar mingħand Kandidati” 


7. Aktar informazzjoni dettaljata tinkiseb minn Reglamenti dwar Aġenziji tal-Impjieg. 


​8. Mal-formola tal-applikazzjoni (kun żgur li mimlija kollha), għandhom jiġu annessi dawn id-dokumenti:
 

Ċertifikat riċenti tal-kondotta maħruġ mill-Pulizija tal-Persuna Kompetenti. (Il-Persuna Kompetenti hija l-persuna uffiċjali li tmexxi l-Aġenzija tal-Impjieg li tista’ tkun id-Direttur stess).

CV li turi l-kwalifiki u l-esperjenza tal-Persuna Kompetenti.

Ħlas ta' €349.41 kull sena, pagabbli lid-D.I.E.R (Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg) u mibgħut f’Nru. 121, Triq Melita, Il-Belt Valletta.

Il-ħlas irid isir b’ċekk jew bank transfer (fuq wara taċ-ċekk jekk jogħġbok ikteb ismek u kunjomok jew l-isem tal-Aġenzija tal-Impjieg tiegħek)

Lista tad-Diretturi kollha li tinkludi n-numru tal-karta tal-identità tagħhom u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom.

 

9. Informazzjoni oħra li jeħtieġ tiġi ppreżentata mal-applikazzjoni hija s-segwenti:

Kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jekk l-Aġenzija tal-Impjieg tkun reġistrata bħala kumpanija.

Kopja tal-kuntratt jekk l-Aġenzija tal-Impjieg tkun Partnership jew Joint Venture.

Kopja tar-Record Sheet maħruġa mill-Jobsplus li turi li l-Persuna Kompetenti tkun persuna impjegata mal-aġenzija l-ġdida.

 

10. Kun żgur ukoll li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti:

Il-Persuna Kompetenti tkun disponibbli f'kull ħin fl-uffiċċju għal spezzjoni mill-ispetturi tad-Dipartiment.  Infurmana jekk tixtieq tinnomina sostitut.

Il-ħlasijiet kollha għal tiġdid tal-liċenzja għandhom jaslu qabel tiskadi l-Liċenzja tal-Aġenzija tal-Impjieg.

Il-Persuna Kompetenti għandha tinnotifika l-bidliet kollha b`mod speċjali f’każ li jinbidel l-indirizz tal-uffiċċju tal-Aġenzija. 

​ 

11. Kull korrispondenza, inkuż l-applikazzjoni​ [verżjoni pdf] jew [verżjoni onlajn​ - teħtieġ Login tal-e-ID]​, trid tkun bil-Malti jew bl-Ingliż.

DETTALJI TA' KUNTATT:

 Isem tal-Kuntatt

Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg,
121, Triq Melita,
Valletta - Malta,
VLT 1121
Ara l-mappa
 Telefon
1575 Għall-Ħaddiema
1576 Għal Min Iħaddem
 Email