Informazzjoni Utli għal Ħaddiema Stazzjonati

Informazzjoni Utli għal Ħaddiema Stazzjonati

X'inhu "ħaddiem stazzjonat"?

Ħaddiema stazzjonati huma ħaddiema li huma skjerati biex jipprovdu servizz lill-klijent ta' min iħaddimhom f'pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea [UE] jew taż-Żona Ewropea ta' Kummerċ Ħieles [EFTA] għal perjodu temporanju. Ħaddiema mikrija minn aġenziji tax-xogħol temporanju huma kkunsidrati bħala ħaddiema stazzjonati wkoll.

Matul il-perjodu tal-istazzjonar, il-ħaddiema jibqgħu impjegati direttament minn min iħaddem li jibgħathom barra u jibqgħu taħt l-iskema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż fejn normalment jaħdmu.

Id-Direttiva tal-Ħaddiema Stazzjonati tapplika għall-ħaddiema kollha stazzjonati irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom. Għalhekk, ċittadin ta' pajjiż terz li għandu permess regolari ta' residenza u xogħol fi Stat Membru jista' jiġi stazzjonat biex jaħdem fi Stat Membru ieħor.

Min MHUX “ħaddiem stazzjonat”?

Individwi li qed ifittxu impjieg b'mod indipendenti fi Stat Membru ieħor; persuni li jaħdmu għal rashom; persunal tat-tbaħħir fin-Navy Merkantili; sewwieqa fis-settur tat-trasport bit-triq li jwettqu operazzjonijiet tat-trasport bilaterali; u ħaddiema mibgħuta fi Stati Membri oħra fuq vjaġġi tan-negozju sabiex jattendu laqgħat jew isegwu taħriġ M’GĦANDHOMX jitqiesu bħala ħaddiema stazzjonati skont id-Direttiva dwar il-Ħaddiema Stazzjonati.

X'inhu t-tul ta' assenjazzjoni ta' kollokament?

Id-Direttiva ma tipprovdix tul minimu; madankollu, kollokamenti fit-tul m'għandhomx jaqbżu t-12-il xahar. Min iħaddem jista', madankollu, jissottometti notifika, li tiġġustifika l-estensjoni tal-perjodu ta' kollokament għal 18-il xahar.

Fejn it-tul effettiv tal-istazzjonar jaqbeż it-12-il xahar jew, fejn applikabbli, it-18-il xahar, min iħaddem għandu jiggarantixxi t-termini u l-kundizzjonijiet obbligatorji kollha tal-impjieg applikabbli għall-ħaddiema fl-Istat Membru ospitanti.

Huwa importanti li wieħed jinnota li min iħaddem ma jistax jestendi l-perjodu massimu tal-istazzjonar meta l-ħaddiem stazzjonat skjerat jiġi sostitwit minn ħaddiem ieħor. Fejn ikun hemm tali sostituzzjoni, it-tul tal-istazzjonar xorta għandu jmur lura għall-bidu tal-ewwel assenjazzjoni tal-istazzjonar.

X'inhuma t-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-ħaddiema stazzjonati?

Min iħaddem lill-ħaddiem stazzjonat għandu jiggarantixxi t-termini u l-kundizzjonijiet kollha tal-impjieg li saru obbligatorji mil-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti fir-rigward:

(a) Perijodi massimi ta' xogħol u perjodi minimi ta' mistrieħ;

 (b) Vaganza minima annwali mħallsa;

 (c) Rimunerazzjoni, inklużi r-rati tas-sahra applikabbli;

 (d) Il-kundizzjonijiet ta' kiri ta' ħaddiema;

 (e) Is-saħħa, is-sigurtà u l-iġjene fuq ix-xogħol;

 (f) Miżuri protettivi li japplikaw għal nisa tqal, nisa li welldu reċentement, tfal, u żgħażagħ;

 (g) Ugwaljanza ta' trattament u nondiskriminazzjoni;

 (h) Il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni tal-ħaddiema fir-rigward ta’ xogħol imwettaq barra mill-post tax-xogħol regolari tagħhom;

 (i) Konċessjonijiet jew rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-ikel u tal-alloġġ għall-ħaddiema li jkunu 'l bogħod mid-dar għal skopijiet ta' xogħol; applikabbli biss għal ħaddiema stazzjonati li jivvjaġġaw lejn u mill-post tax-xogħol regolari tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, jew fejn il-ħaddiem stazzjonat jintbagħat temporanjament mill-post tax-xogħol regolari tiegħu/tagħha għal post tax-xogħol ieħor.

Fl-aħħar nett, il-ħaddiema stazzjonati biex jipprovdu servizz f'pajjiż ieħor tal-UE jżommu d-drittijiet fundamentali tagħhom bħala ħaddiema matul il-perjodu tal-istazzjonar.

 Jista’ min iħaddem inaqqas l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-imbark u l-alloġġ mis-salarju tal-impjegat?

Min iħaddem ma jistax jagħmel tali tnaqqis. Ir-rimborż jew il-kumpens tal-ivvjaġġar, l-ikel u l-alloġġ huma pprovduti flimkien mar-remunerazzjoni.

Liema liġijiet Maltin jipprovdu protezzjoni lill-ħaddiema stazzjonati?

Ir-Regolamenti tal-2016 dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema f’Malta (S.L. 452.82) jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati u jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet, miżuri u mekkaniżmi ta’ kontroll biex jipprevjenu u jissanzjonaw kull abbuż.

X'jista' jagħmel ħaddiem stazzjonat jekk jemmen li qed jiġi ttrattat b'mod inġust?

Jekk ħaddiem stazzjonat jemmen li qed jiġi ttrattat b'mod inġust, jista' jissottometti talba bil-miktub lil min iħaddem biex jipprovdilu dikjarazzjoni bil-miktub, li telenka r-raġunijiet għal kwalunkwe differenza fit-trattament. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi pprovduta fi żmien għaxart ijiem mid-data tat-talba.

Il-ħaddiem stazzjonat jista’ wkoll jikkuntattja lid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol (DIER) biex jirrapporta l-ksur tad-drittijiet tax-xogħol tiegħu. Id-DIER imbagħad jinvestiga l-każ u jipproċedi b'azzjoni legali fejn ikun hemm raġunijiet għal proċedimenti kriminali.

Barra minn hekk, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ieħor dwar l-istituzzjoni ta’ proċeduri fi Stat Membru ieħor, il-ħaddiem stazzjonat jista’ wkoll ifittex rimedju għall-ksur tad-drittijiet tiegħu taħt ir-Regolamenti dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema f’Malta (S.L.452.82) fil-qrati ta’ Malta. Proċedimenti tal-qorti jistgħu jinbdew anke wara t-tmiem tal-inkarigu tal-istazzjonar jew it-terminazzjoni tal-impjieg.

 Kif nista' nagħmel kuntatt mad-DIER?

Id-DIER għandu email apposta għal kwistjonijiet relatati mal-istazzjonar tal-ħaddiema. Jekk jogħġbok ibgħat kwalunkwe mistoqsija lil posting.dier@gov.mt.

Id-DIER jista’ jintlaħaq ukoll bit-telefon fuq 1576/1575.
​​​​​​​​​​​​​​​​​

DETTALJI TA' KUNTATT:

 Isem tal-Kuntatt

Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg,
121, Triq Melita,
Valletta - Malta,
VLT 1121
Ara l-mappa
 Telefon
1575 Għall-Ħaddiema
1576 Għal Min Iħaddem

 Email