Ir-Regolamenti dwar Dritt għal Informazzjoni u Konsultazzjoni mal-Impjegati huma applikabbli għal intrapriżi li jimpjegaw ħamsin impjegat jew iktar. Il-leġiżlazzjoni li tirregola r-rappreżentanza tal-impjegati hi L.S.452.96.
Jekk l-intrapriża għandha unjin, waħda jew aktar li huma rikonoxxuti u jkopru l-kategoriji kollha tal-impjegati, dik il-unjin għandha tkun ir-rappreżentanta tal-impjegati. F’każ li mhux kull kategorija hija rappreżentata minn unjin, irid ikun hemm rappreżentanza għal dawk il-kategoriji li mhumiex rappreżentati.
Biex impjegat ikun eliġibbli biex jinħatar rappreżentant tal-impjegati, irid ikun għadda miż-żmien tal-prova.
Bħala parti mid-doveri tagħhom, ir-rappreżentanti għandhom jiltaqgħu mal-prinċipal mill-inqas xahrejn mid-data ta’ meta ġew maħtura u mill-inqas darba kull sitt xhur għal kull laqgħa sussegwenti. Fil-laqgħat, il-prinċipal għandu jipprovdi informazzjoni fuq l-iktar żviluppi riċenti tal-attivitajiet tal-intrapriża u x-xenarju ekonomiku. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti għandhom ikunu informati b’kwalunkwe xenarji fejn jaf ikun hemm theddid għax-xogħol tal-impjegati, kif ukoll deċiżjonijiet li jistgħu jwasslu għal tibdil sostanzjali fl-organizzazzjoni tax-xogħol.
Ir-rappreżentanti tal-impjegati huma obbligati li jżommu b’mod kunfidenzjali, informazzjoni fdata lilhom ħlief fejn permissibbli bil-liġi u jistgħu jirreferu t-tilwima mat-Tribunal Industrijali rigward jekk il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni fdata lilhom hiex waħda raġonevoli.
Rappreżentant tal-Impjegati huwa legalment protett minn tkeċċija nġusta jekk il-prinċipal itemm l-impjieg tiegħu fuq bażi li eżerċita b’mod legali l-funzjonijiet tiegħu bħala rappreżentant tal-impjegati u jista’ jagħmel referta mat-Tribunal Industrijali fi żmien 4 xhur mid-data tal-allegat ksur. Barra minn hekk, rappreżentanti tal-impjegati għandhom jiġu garantiti żmien raġonevoli ta’ ħin frank bi ħlas waqt is-sigħat tax-xogħol sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom bħala rappreżentant.