Rikonoxximent ta' Trade Union

Fid-9 ta’ Diċembru 2016, daħħlet liġi ġdida dwar rikonoxximent ta’ Trade Unions. Dan huwa żvilupp importanti għaliex ir-rikonoxximent ta’ Trade Unions qatt ma kien regolat b’liġi.

Skont ir-Regolamenti dwar ir-Rikonoxximent tat-Trade Unions (LS452.112), il-proċess ta’ verifika li jiddetermina min għandu jingħata rikonoxximent mill-Prinċipal isir mid-Direttur tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg. Dawn li ġejjin huma r-regoli prinċipali stabbilliti mir-regolamenti:

  • Il-proċess ta’ verifika għandu jitlesta fi żmien 28 ġurnata.
  • Ġaladarba jingħata rikonoxximent, ħadd ma jista’ jitlob rikonoxximent għal perjodu ta’ sena mid-data ta’ meta jingħata r-rikonoxximent. Minbarra dan, ma jista’ jkun hemm l-ebda talba fil-perjodu li jibda tliet xhur qabel jiskadi ftehim kollettiv sa tliet xhur wara li jiskadi l-istess ftehim.
  • It-talba għar-rikonoxximent għandha ssir minn Union lill-Prinċipal, u għandu jkun ikkuppjat id-Direttur tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg.
  • Malli jirċievi l-kopja tat-talba, id-Direttur għandu jitlob dawn il-listi li ġejjin –

Mill-Union –

Membri tal-Union inkluż prova ta’ sħubija permezz ta’ preżentazzjoni ta’ records u records tal-ħlas aġġornati.

Mill-Prinċipal –

Lista tal-impjegati u fil-każ taċ-check off, il-lista relevanti tal-impjegati li ħallsu s-sħubija tagħhom permezz taċ-check-off

  • L-informazzjoni kollha trid tingħata fi żmien 48 siegħa
  • Ir-regolamenti jikkontemplaw tlett xenarji –

Xenarju 1 –

Fejn ma jkunx hemm Union rikonoxxuta u Union titlob li tiġi rikonoxxuta –

Jekk l-Union li qed tagħmel it-talba tonqos milli tibgħat il-listi msemmija hawn fuq fi żmien 48 siegħa, dik il-Union tiġi meqjusa li m’għandiex aktar minn 50% tal-impjegati bħala membri.

Jekk l-Union li qed tagħmel it-talba tibgħat il-listi iżda jkollha anqas minn 50% tal-impjegati bħala membri, il-proċess ta’ verifika jkun eżawrit. F’dan il-każ il-Union ma tkunx qed tgawdi rikonoxximent u l-partijiet jiġu infurmati.

Jekk l-Union ikollha aktar minn 50% tal-impjegati bħala membri, id-Direttur għandu jinforma l-partijiet u l-Union tibda tgawdi r-rikonoxximent.

Xenarju 2 –

Fejn ikun hemm Union rikonoxxuta u Union oħra tagħmel talba għar-rikonoxximent;

Jekk l-Union li qed tagħmel it-talba tonqos milli tibgħat il-listi msemmija hawn fuq fi żmien 48 siegħa, dik il-Union tiġi meqjusa li m’għandiex aktar minn 50% tal-impjegati bħala membri.

Jekk l-Union li qed tagħmel it-talba tibgħat il-listi iżda jkollha anqas minn 50% tal-impjegati bħala membri, il-proċess ta’ verifika jkun eżawrit. F’dan il-każ l-Union ma tkunx qed tgawdi r-rikonoxximent u l-partijiet jiġu infurmati.

Jekk l-Union li qed tagħmel it-talba jkollha aktar minn 50% tal-impjegati bħala membri tagħha, issir il-ballot. F’dan il-każ, l-Union rikonoxxuta trid tibgħat il-listi u l-informazzjoni kollha fi żmien 48 siegħa.

Xenarju 3 –

Fejn ma jkunx hemm Union rikonoxxuta u żewġ Unions jew aktar jagħmlu talba għar-rikonoxximent:

Jekk l-Unions li qed jagħmlu t-talba ma jibgħatux id-dokumenti fi żmien 48 siegħa jew jekk l-ebda Union ma jkollha aktar minn 50% tal-impjegati bħala membri, il-proċess ikun eżawrit u ma jingħatax ir-rikonoxximent.

Jekk waħda minnhom biss ikollha aktar minn 50% tal-impjegati bħala membri, din tal-aħħar tingħata r-rikonoxximent.

Jekk iż-żewġ Unions ikollhom aktar minn 50% tal-impjegati bħala membri, issir il-ballot.

  • Fil-ballot –

Id-Direttur huwa responsabbli mil-loġistikau d-data u l-partijiet kollha huma obbligati jikkooperaw.

Huma l-membri tal-Unions ikkonċernati biss (li huma impjegati) li jistgħu jipparteċipaw.

Il-ballot għandha tkun ibbażata fuq il-maġġoranza ta’ voti validi mitfugħa.

Il-vot irid ikun kif preskritt mil-liġi.

Il-ballot għandha tkun ibbażata fuq vot ħieles u sigriet.

Huma biss id-Direttur u r-rappreżentanti minn kull Union li jistgħu ikunu preżenti.

Ir-riżultat jiġi kkomunikat mid-Direttur lill-Unions u lill-Prinċipal u dan tal-aħħar huwa obbligat jippubblika r-riżultat fuq il-post tax-xogħol.

  • L-impjegati fit-top management jistgħu jkunu esklużi mil-listi/ballot skont l-Artikolu 67 tal-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali. Il-Prinċipal li jeskludi l-impjegati fit-top management irid jinforma lid-Direttur fi żmien ġimgħa mit-talba għar-rikonoxximent.