Għoti ta' Payslip

L-obbligu li tingħata payslip dettaljata –

​Mill-1 ta’ Jannar 2019, l-employer hu marbut li jagħti lill-impjegati tiegħu payslip dettaljata qabel jew fid-data li fiha jkun dovut li tingħata l-paga.
Il-payslip għandha tinkludi –

l-isem tal-employer u tal-impjegat,
l-indirizz tal-employer,
it-titlu tal-pożizzjoni tal-impjegat,
is-somma totali tal-pagi mħallsa u l-breakdown tagħha,
il-perjodu li fir-rigward tiegħu l-kontenut tagħha jirrelata,
in-numru ta’ sigħat normali maħduma inklużi dawk maħduma fil-ġurnata tal-Ħadd jew fi btala pubblika meta dan ikun parti mis-sigħat skedati normali tax-xogħol;
in-numru ta’ sigħat imħallsa bħala overtime jew b’rata speċjali klassifikati bħala dawk li nħadmu barra s-sigħat ta’ xogħol f’ġurnata jew fil-ġimgħa, sigħat maħduma l-Ħadd jew fi btala pubblika;
in-numru ta’ sigħat ta’ leave annwali li ttieħdu u l-bilanċ ta’ leave li jkun fadal;
pagi bażiċi riċevuti;
breakdown ta’ kwalunkwe bonuses, allowances jew commissions riċevuti; u
kwalunkwe tnaqqis effettwat, inklużi kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali, taxxa u oħrajn.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ Leave għall-Mard, l-impjegat għandu jkollu d-dritt li jitlob sa massimu ta’ erba’ darbiet fis-sena, l-entitlement ta’ leave għall-mard u n-numru ta’ sigħat li l-impjegat li ikun ħa bħala leave għall-mard f’sena kalendarja. L-employer huwa obbligat li jagħti din l-informazzjoni bil-miktub fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mit-talba. ​

Jekk employer jonqos milli jagħti payslip dettaljata, l-employer stess ikollu l-obbligu li jippreżenta prova li tiskoplah mingħajr ebda dubju minn kwalunkwe responsabbiltà. Barra minn hekk, fejn ikun hemm żewġ payslips differenti għall-istess perjodu, tipprevali dik il-payslip li tkun l-aktar favorevoli għall-impjegat ikkonċernat.

Ikklikkja hawn​ sabiex tniżżel il-kampjun ta’ payslip.