Kumpens "in Lieu" tan-Notice

Meta n-notice jingħata mill-impjegat

Meta impjegat jabbanduna l-impieg jew ma jagħti l-ebda notice li se jtemm is-servizz tiegħu, l-impjegat ikun obbligat li jħallas lill-prinċipal somma ekwivalenti għal nofs il-paga li jkun fadal tinħadem mill-impjegat f’dak il-perjodu tan-notice.

Jekk l-impjegat waqt li jkun qed jaħdem in-notice jagħżel li ma jibqax jaħdem dan il-perjodu tan-notice, l-impjegat ikun ukoll obbligat li jħallas lill-prinċipal somma ekwivalenti għal nofs il-paga li jkun fadal tinħadem mill-impjegat f’dak il-perjodu tan-notice.

Jekk meta jagħti n-notice jew waqt li jkun qiegħed jaħdem in-notice, il-prinċipal jiddeċiedi li ma jħallix lill-impjegat jaħdem jew ikompli jaħdem in-notice, il-prinċipal ikun obbligat li jħallas lill-impjegat somma ekwivalenti għall-paga kollha li tkun pagabbli għall-perjodu tan-notice jew iż-żmien li jkun fadal minnu.

Meta n-notice jingħata mill-prinċipal

Meta jirċievi n-notice mingħand il-prinċipal, l-impjegat għandu l-għażla li jew ikompli jaħdem il-perjodu tan-notice, jew jitlob lill-prinċipal iħallsu (lill-impjegat) somma ekwivalenti għal nofs il-paga li jkun għad fadal f’dak il-perjodu tan-notice.

Jekk l-impjegat jiddeċiedi li jittermina l-impieg fi kwalunkwa ħin waqt li qiegħed jaħdem in-notice, il-prinċipal huwa obbilgat ukoll li jħallas lill-impjegat somma ekwivalenti għal nofs il-paga li jkun għad fadal f’dak il-perjodu tan-notice.

Jekk il-prinċipal jiddeċiedi li ma jħallix lill-impjegat jaħdem jew ikompli jaħdem in-notice, il-prinċipal ikun obbligat li jħallas lill-impjegat somma ekwivalenti għall-paga kollha li tkun pagabbli għall-perjodu tan-notice jew iż-żmien li jkun fadal minnu.

Rinuzja ta’ Notice

Fi kwalunkwa każ, in-notice li jkun dovut skont it-termini tal-liġi, jiġi rinunzjat meta jkun hemm raġuni ġusta u suffiċjenti (eż. Azzjoni dixxiplinarja, kundizzjoni medika).