Leave Speċjali tal-Ġenituri għal Luttu

B’effett mill-1 ta’ Jannar 2026, il-Leave Speċjali għall-Ġenituri għal Luttu huwa tip ġdid ta’ dritt mogħti lill-ġenituri li jaħdmu u li jkunu esperjenzaw it-telf ta’ wild taħt it-tmintax (18) -il sena. Dan il-leave jippermetti lill-ġenituri jieħdu seba’ (7) ijiem tax-xogħol biex jindirizzaw kwistjonijiet personali wara dan it-telf fi żminijiet ta’ niket. Qabel, il-ġenituri kienu intitolati għal ġurnata (1) jew tnejn (2) biss ta’ leave skont is-settur, iżda din il-miżura ġdida testendi b’mod sinifikanti l-perjodu għal seba’ (7) ijiem.

Dan il-leave qed jiġi introdott bħala forma separata ta’ leave, biex jiġi żgurat li l-ġenituri jkollhom protezzjoni u l-appoġġ f’dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli. Bħal leave statutorju ieħor, il-Leave Speċjali għall-Ġenituri għal Luttu se jkun imħallas, ibbażat fuq is-salarju bażiku tal-impjegat.

L-ispiża ta’ dan il-leave se tkun maqsumha bejn il-prinċipal u l-gvern. Il-prinċipal ikopri l-ewwel ġurnata (1) jew tnejn (2), Skont is-settur, filwaqt li l-ġranet li jifdal, sa sebat ijiem (7), jiġu ffinanzjati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Impjegati part-time jew dawk li jaħdmu sigħat imnaqqsa se jkunu intitolati wkoll għal dan il-leave, ikkalkulat fuq bażi pro-rata skont is-sigħat tax-xogħol tagħhom.

Biex jibbenefikaw minn dan id-dritt, il-ġenitur li jkun għadda mit-telfa ta wild irid jinforma lill-prinċipal tiegħu, li mbagħad japplika għar-rifużjoni mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Il-prinċipal għandu jibagħt din l-applikazzjoni fi żmien tliet (3) xhur mid-data li fiha l-impjegat ħa l-leave. Ir-rifużjoni tapplika esklussivament għall-ġranet meħuda bħala Leave Speċjali tal-Ġenituri għal Luttu u mhux għal tipi oħra ta’ assenza jew leave.