“Iżda b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021, fil-każ ta’ impjegati whole-time, meta festa nazzjonali jew btala pubblika taħbat fil-ġurnata tas-Sibt jew fil-ġurnata tal-Ħadd jew f’ġurnata ta’ mistrieħ tal-ġimgħa li għaliha impjegat ikollu jedd, dak l-impjegat ikollu jedd għal ġurnata oħra ta’ leave annwali matul dik l-istess sena kalendarja għal kull waħda minn dawk il-festi nazzjonali jew btajjel pubbliċi, kif speċifikat fl-artikolu 6 tal-Att dwar il-Festi Nazzjonali u Btajjel Pubbliċi Oħra.”
Dan joħroġ mill-intitolament tal-festi nazzjonali u btajjel pubbliċi, li huwa universali għall-impjegati kollha, jiġifieri, l-impjegati kollha huma intitolati għall-festi nazzjonali u btajjel pubbliċi b’paga sħiħa skont ir-Regolament 8(5) ta’ S.L.452.87 “Kull impjegat full-time għandu jkun intitolat għall-festi nazzjonali u għall-btajjel pubbliċi kollha b’paga sħiħa.”
Dan ifisser li: Meta festa nazzjonali jew btala pubblika taqa’ fi kwalunkwe jum tal-ġimgħa (mit-Tnejn sal-Ħadd) u l-impjegat full-time ma jkunx skedat li jaħdem minn nofsillejl sa nofsillejl ta’ tali jum bħala parti mir-roster normali ta’ kull ġimgħa (li jkun off-day tal-impjegat), l-ekwivalenti f’sigħat ta’ jum tax-xogħol wieħed għandu jiżdied mal-intitolament għal-leave tal-impjegat. Dan il-jum addizzjonali ta’ leave annwali għandu jiżdied mad-dritt għal-leave annwali tal-impjegat fil-jum ta’ tali festa nazzjonali u btala pubblika.
Ikklikkja hawn għal ħarsa ġenerali komprensiva tal-intitolament għall-festi nazzjonali u għall-btajjel pubbliċi.
Impjegati part-time u impjegati full-time li jaħdmu sigħat imnaqqsa huma intitolati għal dan ta’ hawn fuq fuq bażi pro rata.
Madankollu:
- Jekk il-medja tas-sigħat normali (esklużi s-sahra) kkalkulata fuq perjodu ta’ 17-il ġimgħa hija taħt jew taqbeż l-40 siegħa fil-ġimgħa, l-ammont tas-sigħat ta’ leave annwali għandu jiġi aġġustat kif xieraq (Ara l-A.L. 247 tal-2003 – Regolamenti Dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol).
- Meta impjegat ikun ilu fl-impieg għal inqas minn 12-il xahar, għandu jkun intitolat għal ammont proporzjonali ta’ leave annwali.
Huwa possibbli li sa 50% tal-leave annwali jiġi trasferit għas-sena ta’ wara jekk ikun hemm ftehim mal-employer (Ara l-A.L. 247 tal-2003 – Regolamenti Dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol). Dan il-leave trasferit mis-sena ta’ qabel ghandu jigi uzat l-ewwel u ma jistax jerga jigi trasferit.
Il-liġi tispeċifika li perjodu minimu ekwivalenti għal erba’ ġimgħat (160 siegħa) ma jistax jinbidel ma’ xi allowance, ħlief fejn l-impieg tal-ħaddiem jiġi tterminat. Għalhekk fir-rigward tal-160 siegħa li ma jistgħux ikunu kkumpensati, l-impjegat ma jistax jitlob ħlas għalihom.
Bi ftehim –
Il-vacation leave jibda jakkumula mill-bidu tal-impieg. Dan jista’ jitgawda bi ftehim bejn l-employer u l-impjegat. Ladarba l-entitlement tal-leave annwali tal-impjegat ikun ġie maqbul mill-employer u l-impjegat, dan il-leave ma jkunx jista’ jitħassar unilateralment iżda jista’ jitħassar biss jekk ikun hemm qbil bejn l-employer u l-impjegat.
Bi ftehim reċiproku mal-employer, il-leave jista’ jittieħed bis-sigħat. Inkella, jekk ma jkunx hemm ftehim bejn l-employer u l-impjegat, il-leave għandu jittieħed bħala ġurnata sħiħa.
Shut down –
Mill-1 ta’ Jannar 2019, sakemm ma jkunx miftiehem xort’ oħra fi ftehim kollettiv applikabbli jew fi kwalunkwe ftehim milħuq mill-union u l-employer/l-assoċjazzjoni ta’ min iħaddem, l-employer jista’ biss jutilizza sal-ekwivalenti f’sigħat ta’ tnax-il ġurnata ta’ xogħol mid-dritt għall-leave annwali għall-finijiet ta’ kwalunkwe tip ta’ shutdown, inkluż l-egħluq temporanju tal-bini kollu jew parti minnu mill-employer għall-bridge holidays jew għall-kwalunkwe perjodi qosra ta’ shutdown oħra. Fi kwalunkwe każ, kull tip ta’ shutdown, inkluż l-egħluq temporanju tal-bini kollu jew parti minnu mill-employer għall-bridge holidays, għandu jiġi miġjub għall-attenzjoni tal-impjegati kollha sal-aħħar ta’ Jannar ta’ kull sena kalendarja.
Akkumulazzjoni ta’ leave waqt leave għall-maternità, għall-mard u għall-korriment –
Il-leave annwali għandu jkompli jakkumula favur impjegata matul il-perjodu meta hi tkun bil-leave tal-maternità. Kwalunkwe bilanċ ta’ leave annwali li ma jiġix utilizzat sal-aħħar tas-sena kalendarja għandu jiġi awtomatikament trasferit għas-sena kalendarja ta’ wara meta ma kienx possibbli illi l-impjegata tutilizza dak il-leave matul l-istess sena meta beda l-leave tal-maternità.
Meta festa pubblika jew nazzjonali taqa’ f’ġurnata ta’ xogħol jew f’ġurnata ta’ mistrieħ li ma tkunx is-Sibt jew il-Ħadd, u hekk taqa’ matul il-perjodu ta’ leave tal-maternità ta’ kwalunkwe impjegata, dik l-impjegata għandha tkun intitolata għall-ekwivalenti f’sigħat ta’ ġurnata addizzjonali ta’ leave.
Il-leave annwali jkompli wkoll jakkumula favur l-impjegat matul il-perjodu meta jkun bil-leave għall-mard jew leave għall-korriment. Kwalunkwe bilanċ ta’ leave annwali li ma jiġix utilizzat sal-aħħar tas-sena kalendarja għandu jiġi awtomatikament trasferit għas-sena kalendarja ta’ wara meta ma kienx possibbli li l-impjegat jutilizza dak il-leave matul l-istess sena meta beda l-leave għall-mard jew għall-korriment.
Kwalunkwe perjodu ta’ leave maqbul minn qabel li jikkoinċidi ma’ perjodu ta’ leave għall-maternità, għall-mard jew għall-korriment, għandu jkun meqjus illi ma ittieħidx iżda għandu jittieħed wara d-dħul lura għax-xogħol jew għandu jiġi trasferit għas-sena sussegwenti jekk dak il-leave ma setax jiġi utilizzat matul dik l-istess sena meta beda l-leave għall-maternità, il-leave għall-mard jew għall-korriment.
Leave Sfurzat –
Il-liġi tirregola wkoll il-leave sfurzat. Jekk impjegat ikun imġiegħel mill-employer biex jieħu leave sfurzat, l-employer għandu dejjem jipprovdi dikjarazzjoni miktuba fejn jiġġustifika l-impożizzjoni tal-leave sfurzat fi żmien raġjonevoli qabel jibda l-leave sfurzat. F’każijiet bħal dawn, l-użu ta’ dan il-leave sfurzat m’għandux jagħti lok għal dejn ċivili favur l-employer, jekk il-leave meħud jeċċedi d-dritt tal-leave annwali tal-impjegat.
Iżda kull leave meħud mill-impjegat li kien mitlub mill-impjegat innifsu, li jkun jeċċedi d-dritt tal-leave annwali għandu jagħti lok għal dejn ċivili favur l-employer fit-terminu tal-impieg tal-impjegat.
Jekk l-employer jirrifjuta li jagħti l-vacation leave statutorju, l-impjegat għandu jippreżenta talba lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg għal evalwazzjoni tal-każ u possibilment għal azzjoni bil-qorti kontra l-employer. Id-Dipartiment normalment jitlob digriet mill-qorti sabiex kull ammont ta’ vacation leave jiġi kkumpensat mill-employer. Madankollu, dejjem teżisti l-possibbiltà għall-employer li, bi qbil mal-impjegat, sa 50% tal-leave annwali jiġi trasferit għas-sena ta’ wara.
Mat-terminazzjoni tal-impieg, impjegat għandu dritt li jitlob kumpens finanzjarju għal kull bilanċ pendenti tal-leave li jkun dovut.