Informazzjoni dwar id-DIER
Informazzjoni dwar id-Dipartiment għall-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali
(skont l-Artikolu 17 tal-Att dwar il-Liberta’ tal-Informazzjoni)
Dikjarazzjoni tal-Missjoni, Funzjonijiet u Struttura
- Il-missjoni tad-Dipartiment għall-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) hija dik li jipproteġi l-interessi tal-ħaddiema li għandhom kuntratti ta’ impieg filwaqt li, fi spirtu ta’ sħubija soċjali, attivament jippromwovi relazzjoni b’saħħitha u jikkontribwixxi lejn relazzjonijiet industrijali stabbli. Dan il-mandat jintlaħaq permezz tal-infurzar tal-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (EIRA), li kien approvat mill-Parlament f’Diċembru tal-2002 u jistabbilixxi l-qafas għall-adozzjoni tal-Acquis dwar ix-Xogħol tal-UE. Dan l-Att jistabbilixxi wkoll ir-responsabbiltajiet tad-Direttur Ġenerali fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dan l-Att u l-leġiżlazzjoni sussidjarja tiegħu. Id-Direttur Ġenerali għalhekk għandu responsabbiltà kumplessiva għall-funzjonijiet imwettqa mid-Dipartiment, li huma deskritti kif ġej:
- Provvista ta’ mekkaniżmu effettiv għall-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet tal-impieg standard, f’konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, u promulgazzjoni eventwali tagħhom bħala strumenti legali;
- Provvista tal-monitoraġġ neċessarju u l-infurzar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol kif stabbiliti bil-liġi;
- Regolamentazzjoni tal-kuntratti tal-impjieg b’mod ekwu sabiex ikun żgurat li d-drittijiet u l-obbligi ta’ kull parti fil-kuntratt jiġu osservati;
- Protezzjoni tal-ħaddiema li r-relazzjoni tal-impjieg tagħhom ġiet terminata mill-prinċipal;
- L-eliminazzjoni ta’ prattiċi diskriminatorji;
- Provvista ta’ servizzi ta’ appoġġ għat-Tribunal Industrijali, għall-Bord tal-Amminitrazzjoni tal-Fond ta’ Garanzija, għall-Bord dwar ir-Relazzjonijiet dwar l-Impiegi;
- Provvista ta’ medjazzjoni effettiva u konċiljazzjoni sabiex jitnaqqsu l-azzjonijiet industrijali u t-tilwim industrijali;
- Promozzjoni ta’ relazzjoni tajba bejn il-prinċipali u r-rappreżentanti tal-ħaddiema.
L-istruttura tad-Dipartiment huwa magħmul mill-Uffiċċju tad-Direttur Ġenerali u erba’ fergħat li huma: Support Services Unit/ Taqsima ta’ Servizzi t’ Appoġġ, Taqsima Investigattiva, Taqsima Legiżlattiva, tal-Affarijiet Internazzjonali u tar-riċerka, u it-Taqsima tal-Customer Support/ Taqsima t’appoġġ lill-klijent.
Id-Direttur Ġenerali għall-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali li hija ukoll il-Kap tad-Dipartiment hija għalhekk responsabbli għall-istrateġija ġenerali tal-operazzjonijiet u l-funzjonijiet kollha tad-Dipartiment. Hija mgħejjuna minn żewġ Assistenti Diretturi li huma responsabbli għal kull waħda mill-erba’ fergħat li jiffurmaw id-DIER.
L-Uffiċċju tad-Direttur Ġenerali huwa wkoll responsabbli għar-reġistrazzjoni tat- Trejd Unjins; assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, provvista ta’ mekkaniżmi għall-ftehim volontarju ta’ tilwim industrijali skont it-termini tal-Att u l-promozzjoni għat-tali ftehim u preparazzjoni ta’ abbozzi tal-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi.
Taqsima Investigattiva
Din it-taqsima hija responsabbli mill-moniteraġġ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tiproċessa l-ilmenti tal-ħaddiema li għadhom fl-impjieg. Dan jinvolvi programm kontinwu ta’ spezzjonijiet li jkunu mmirati lejn setturi partikolari jew jinvestigaw ilmenti speċifiċi. Din it-taqsima tinvolvi investigazzjonijiet ta’ lmenti ta’ impjegati li l-impjieg tagħhom ġie tterminat, kemm jekk min-naħa tagħhom u kemm jekk min-naħa tal-imgħallem u hija responsabbli ukoll li tirreferi l-każijiet quddiem il-Qrati Legali.
Customer Support Unit / Taqsima t’appoġġ lill-klijent
Din it-taqsima tipprovdi servizzi ta’ customer care lill-impjegati/imgħallma li għandhom mistoqsijiet u ilmenti rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dawn il-mistoqsijiet u l-ilmenti jistgħu jiġu milqugħa direttament mill-persuna kkonċernata billi jiġu personalment id-Dipartiment, permezz ta’ korrispondenza, email jew anke b’mod anonimu.
Taqsima Leġislattiva, tal-Affarijiet Internazzjonali u ta’ Riċerka
Din it-taqsima żżomm kuntatti fuq livelli tekniċi ma’ gvernijiet u korpi internazzjonali oħra inkluż l-U.E, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol u l-Organizzazzjoni Dinjija tax- Xogħol. Hija tikkoordina mill-qrib ma’ assoċjazzjonijiet lokali u organizzazzjonijiet li għandhom rwol li jipproteġu l-interessi tal-partijiet involuti f’kuntratt tal-impjieg. Din it-taqsima hija responsabbli ukoll għal riċerka dwar l-impjiegi, libreriji u arkivji u reġistrazzjoni tal-aġenziji tax-xogħol.
Support Services Unit/ Taqsima ta’ Servizzi t’ Appoġġ
Din it-taqsima tipprovdi servizzi ta’ appoġġ amministrattiv lid-Dipartiment kollu inkluż l-amministrazzjoni tal-budget tad-Dipartiment, id-dħul u l-infiq, il-ħruġ u l-aġġustament tas-salarji u ħlasijiet ta’ onorarja għal membri tal-Bordijiet, l-amministrazzjoni tal-PMPs, progressions, allowances, l-inventarju dipartimentali, stores eċċ. Permezz tal-Green Leader tagħha, din is-Sezzjoni tissorvelja wkoll il-qasam ambjentali fi ħdan id-DIER. Inkarigi oħra li jiġu esegwiti minn din is-Sezzjoni jinkludu l-implimentazzjoni tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni u s-saħħa u s-sigurtà fuq livell dipartimentali. Dan id-Dipartiment joffri ukoll servizzi t’appoġġ lit-Tribunal Industrijali.
Implimentazzjoni tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
L-uffiċċji amministrattivi tad-DIER jinstabu f’Nru. 121, Triq Melita, Valletta. Kull applikazzjoni jew ilment relatati mal-Libertà tal-Informazzjoni għandha jiġu mgħoddija bl-idejn f’dan l-indirizz fl-uffiċċji tas-Sinjura Diane Vella-Muscat, Freedom of Information Officer (FOIO) u tas-Sur Anthony Azzopardi, Alternate FOIO. Is-Sigħat tax-xogħol huma dawk tipiċi ta’ kull dipartiment tal-gvern, jiġifieri bejn 07.00hrs u 16.00hrs għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru sal-15 ta’ Ġunju u bejn 07.00hrs u 13.00hrs għall-perjodu tas-sajf bejn is-16 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru. It-talbiet tal-FOI jistgħu jintbagħtu billi tibgħat e-mail lil: [email protected], permezz tal-portal FOI: www.foi.gov.mt billi tidħol bl-e-ID, jew permezz tal-formola online.
Jekk l-applikant/a għall-informazzjoni ma’ jkunx/tkunx sodisfatt/a bit-tweġiba mogħtija mid-Dipartiment, hu/hi jista’/tista’ jibgħat/tibgħat ilment skont il-Proċedura tal-Ilmenti Interni tad-Dipartiment. Dan japplika jekk id-Dipartiment jonqos milli jissodisfa d-dati tal-iskadenzi jew li jibgħat in-notifiki relevanti. Għaldaqstant jista’ jitressaq ilment bl-email lil: [email protected], permezz tal-portal FOI: www.foi.gov.mt billi tidħol bl-eID, jew permezz tal-formola online. L-Uffiċjal tal-FOI eventwalment jinforma/tinforma lil dak li qed jilmenta/tilmenta dwar l-eżitu tal-ilment tiegħu/tagħha, filwaqt li jinformah dwar il-possibbiltà li jippreżenta appell mal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data (KIPD) skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, Kap. 496.
Kategoriji ta’ dokumenti miżmuma mid-DIER
Uffiċċju tad-direttur Ġenerali
Dokumentazzjoni dwar il-formulazzjoni tal-Policies Nazzjonali, Policies Interni, Tilwim Industrijali u Reġistrazzjoni ta’ Trade Unions u Assoċjazzjonijiet tal- Prinċipali.
Taqsima Investigattiva
Dokumentazzjoni dwar mistoqsijiet u investigazzjonijiet tat-taqsimiet tal-Ispettorat u taqsimiet tat-Terminazzjoni, Prinċipali li sariltihom spezzjoni u dawk taħt investigazzjoni, Permessi tad -Direttur, Approvazzjonijiet u Awtorizzazzjonijiet (Awtorizzazzjoni fir-rigward ta’ Multi [Artikolu 19 tal-EIRA], Permessi għall-Impjieg ta’ Minuri [AL 440 tal-2003], Approvazzjonijiet għall- kundizzjonijiet temporanji ta’ impjieg inqas favorevoli [Artikolu 42 tal-EIRA]), Notifiki lid-Direttur (Stazzjonar ta’ Ħaddiema, Sensji Kollettivi eċċ), Verifikazzjoni ta’ sħubija ta’ trejd unjins.
Customer Support Unit
Dokumentazzjoni rigward mistoqsijiet u ilmenti tal-klijenti bħal kuntratti t’impjieg, employment history, engagement/termination forms, payslips, eċċ.
Taqsima Leġislattiva, tal-Affarijiet Internazzjonali u ta’ Riċerka
Dokumentazzjoni dwar l-UE u materji tal-Awtorita’ Ewropea tax-Xogħol u Organizzazzjoni Dinjija tax- Xogħol bħal noti informattivi, memos u dokumenti ta’ pożizzjoni.
Support Services Unit
Fajls Personali u dokumentazzjoni relatati ma’ Prokura, Kontijiet, materjal relatat ma’ Riżorsi Umani, u Skemi ta’ Self ta’ Persuni li jaħdmu għal rashom (Self-Employed). Dokumenti relatati ma’ każijiet tat-Tribunal Industrijali.