FAQs

Jekk il-perjodu tal-impieg jaqbeż xahar u jeċċedi tmien sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa, min iħaddem huwa/hija obbligat/obbligata li jagħti/tagħti stqarrija bil-miktub lill-impjegat/impjegata li turi l-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu/tagħha, fi żmien 8 ijiem tax-xogħol mill-bidu tal-impieg. Hija wkoll prattika tajba jekk l-impjegat/impjegata jingħata deskrizzjoni tax-xogħol.

Kif jimplika ismu kuntratt ta’ servizz indefinit ifisser li l-impjegat/impjegata huwa/hija involut/involuta f’impieg għal perjodu indefinit (mingħajr limitu). Min-naħa l-oħra, kuntratt għal żmien fiss huwa kuntratt fejn iż-żewġ partijiet normalment jaqblu dwar it-tul tiegħu u għalhekk jinkorpora data ta’ skadenza.

L-ewwel sitt xhur ta’ impieg jikkostitwixxu l-​perjodu ta’ prova. Il-partijiet jistgħu madankollu jaqblu għal terminu iqsar. Fil-każ ta’ kuntratt ta’ servizz, jew ftehim kollettiv, fir-rigward ta’ impjegati li għandhom karigi tekniċi, eżekuttivi, amministrattivi jew maniġerjali u li l-pagi tagħhom huma mill-inqas id-doppju tal-paga minima stabbilita f’dik is-sena, tali perjodu ta’ prova huwa ta’ sena sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor (għal perjodu iqsar).​

Waqt il-prova, kull parti tista’ ttemm l-impieg mingħajr ma tagħti raġuni, sakemm jingħata avviż ta’ ġimgħa jekk l-impieg ikun qabeż xahar. Madankollu, fil-każ li ttemm l-impieg ta’ impjegata tqila matul il-prova, min iħaddem/tħaddem huwa/hija obbligat/obbligata li jagħti/tagħti r-raġunijiet bil-miktub biex jiġġustifika/tiġġustifika li t-tkeċċija mhix relatata mal-kundizzjoni tal-impjegata.

Il-perjodu ta’ prova ma jistax jiġi estiż lil hinn mill-perjodu massimu permess mil-liġi. Fejn min iħaddem/tħaddem u l-impjegat/impjegata jaqblu għal perjodu iqsar, tali perjodu jorbot bil-liġi u jista’ jiġi estiż biss sal-limitu massimu kkontemplat bil-liġi jekk iż-żewġ partijiet jaqblu li jagħmlu hekk.

Esklużi eċċezzjonijiet għal raġunijiet iġġustifikati, kuntratt għal żmien fiss jista’ jiġġedded suċċessivament sa perjodu massimu ta’ erba’ snin, wara l-impjegat/impjegata għandu/għandha jitqies/titqies li huwa/hija taħt kuntratt ta’ tul indefinit. Impjegat li l-kuntratt għal żmien fiss tiegħu/tagħha skada u huwa/hija miżmum/miżmuma fl-impieg ukoll se jkun/tkun ikkunsidrat/ikkunsidrata li jkun/tkun taħt kuntratt indefinit, jekk min iħaddem ma jipproduċix/tipproduċix kuntratt ġdid ta’ servizz, fi żmien tnax (12)-il jum wara l-iskadenza tal-kuntratt preċedenti.