FAQs

Il-Leave tal-Korriment tat-Tqala jingħata lill-ġenituri u lill-ġenituri prospettivi meta jkun hemm korriment tat-tqala spontanju jew antiċipat medikament minħabba raġunijiet naturali, jew kumplikazzjonijiet mediċi, jew meta t-tqala tintemm permezz ta’ intervent mediku. Għall-fini ta’ dan il-leave, il-korriment tat-tqala jinkludi wkoll kundizzjonijiet bħat-tqala ektopika u t-tqala molari, li jiżguraw li l-individwi li jesperjenzaw dawn iċ-ċirkostanzi jkunu intitolati bl-istess mod għall-appoġġ ipprovdut taħt il-leave tal-korriment tat-tqala.

Jekk tqala tintemm qabel it-tnejn u għoxrin (22) ġimgħa, hija kkunsidrata bħala korriment tat-tqala, u l-ġenituri għandhom dritt għal-Leave tal-Korriment tat-Tqala, kemm jekk iseħħ f’Malta jew barra minn Malta. Jekk it-tqala tasal sat-tnejn u għoxrin (22) ġimgħa jew aktar, il-ġenituri għandhom id-dritt għal-leave tal-maternità anki jekk ikun hemm korriment tat-tqala.

Iva, il-Leave tal-Korriment tat-Tqala huwa provdut bil-liġi bħala dritt separat ta’ leave.

Dan il-leave ser jidħol fis-seħħ mill‑ewwel ta’ Jannar 2026.

Din il-liġi tapplika għal kull ħaddiem, irrispettivament mis-sess jew l-orjentazzjoni sesswali, u tinkludi kemm irġiel kif ukoll nisa li għandhom kuntratt tax-xogħol, jew relazzjoni tax-xogħol rikonoxxuta bil-liġi, jew permezz ta’ ftehim kollettiv.

Id-dritt għal-Leave tal-Korriment tat-Tqala japplika għal kull ħaddiem, sew jekk ikun impjegat fuq bażi full-time jew part-time, u sew jekk ikun ingaġġat b’kuntratt indefinit jew b’kuntratt għal żmien fiss. Ħaddiema li huma impjegati fuq bażi part-time għandhom id-dritt għal-Leave tal-Korriment tat-Tqala fuq bażi pro-rata.

Iva, il-Leave tal-Korriment tat-Tqala għandu jitħallas direttament lill-ħaddiem mill-prinċipal b’paga bażika sħiħa.

Kull ħaddiem intitolat għal sebat (7) ijiem tax-xogħol għal-Leave tal-Korriment tat-Tqala mingħajr telf ta’ pagi, li għandhom jittieħdu minnufih wara li jseħħ korriment tat-tqala.